Tliet persuni arrestati wara li jinstabu fil-pussess ta' kilo kokaina

It-tliet persuni li kienu f'karozza Toyota Vitz, twaqqfu mill-Pulizija ta' Kontra d-Droga fi Triq it-Tin

Tliet persuni, żewġt irġiel u mara, li l-eta’ tagħhom tvarja bejn l-20 u t- 28 sena, ilkoll residenti l-Belt Valletta, kienu arrestati waqt ħidma oħra mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.

Fil-karozza li kienu fiha, instab madwar kilo kokaina. Assititi minn membri tar-Rapid Intervention Unit, tard il-Ħamis filgħaxija, it-tliet persuni li kienu f'karozza Toyota Vitz, twaqqfu mill-Pulizija ta' Kontra d-Droga fi Triq it-Tin, f'Ħal Qormi. Wieħed mil-irġiel, li huwa ta' nazzjonalita’ Libjana kien qed isuq il-vettura l-imsemmija.

Meta il-Pulizija ċċirkondaw il-vettura, ix-xufier saq b'lura għal fuq il-vettura tal-Pulizija, ħareġ mill-karozza u ħarab minn fuq il-post. Huwa ġie arrestat wara tfittxija għalih. Iż-żewġ passiġieri, ġuvni u tfajla Maltin, li kienu miegħu fil-karozza ġew arrestati minnufih fuq il-post.

Saret tfittxija fil-vettura u nstabet blokka sustanza bajdanija, allegatament kokaina b’piż ta' madwar kilo.

Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bis-sejba u ħatret diversi esperti sabiex jgħinu fl-inkjesta maġisterjali. It-tliet persuni arrestati ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar stħarriġ. Fortunatament ħadd ma ndarab f'dan il-każ

More in Kronaka