Id-Dwana żżomm l-akbar konsenja ta' kontejners fl-istorja tagħha

B'kollox id-Dwana qed iżżomm 36 kontejner li huma mimlija bi prodotti li jiksru l-Liġi tal-Propjetà Intelletwali

Fil-ġranet li għaddew, id-Dwana nediet operazzjoni fuq konsenja ta’ 44 kontejner fil-Freeport fejn ġew maqbuda xejn inqas minn 36 kontejner.

Din hija l-akbar konsenja ta’ kontejners maqbuda fl-istorja tad-Dwana Maltija u mistennija li jkunu kkonfiskati eluf kbar ta’ żraben, ħwejjeġ u basktijiet, fost oħrajn.

Instab li dawn il-kontejners kienu qed iġorru eluf ta’ prodotti li jiksru l-Liġi tal-Propjetà Intelletwali.

Wara l-ewwel investigazzjoni jirriżulta li biex il-konsenjatur jinganna bid-Dwana, l-ewwel 20 pied mill-bieba ta’ kull kontejner kienu mimlija bi prodotti leċti bħal coverload, bil-prodotti illeċti moħbija warajhom.

Madanakollu, dak li ma nqabadx bl-għajn, inqabad bl-iscanner.

Il-kontejners kollha oriġinaw minn pajjiż fl-Asja u kienu lkoll destinati għal pajjiż Afrikan.

Bħalissa, il-kontejners maqbuda qed jitbattlu fiżikament, f’operazzjoni li mistennija tieħu numru ta’ ġranet mhux ħażin. Fil-fatt, sa issa tbattlu 8 kontejners, li fihom irriżulta li kien hemm prodotti foloz ta’ ditti rinomati, kif ġej:

  • 91,750 aċċessorji ta’ telefons ċellulari;
  • 46,863 biċċa ħwejjeg;
  • 43,915-il par żarbun sportiv;
  • 14,365 trsck suit;
  • 7,770 par żarbun; u
  • 750 game controllers.

F’din l-operazzjoni qed jieħdu sehem attiv Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Moniteraġġ tal-Kontejners (Containers’ Monitoring Unit), mit-Taqsima tal-Iscanning (Scanning Unit) u mit-Taqsima tal-Propjetà Intellettwali (Intellectual Property Rights Unit), fejn qiegħed jintuża l-iscanner sofistikat tad-Dwana. 

Qed jagħtu sehemhom ukoll f’din l-operazzjoni impjegati tal-Malta Freeport Terminals Ltd u membri tas-sigurtà tal-Malta Freeport Corporation.

Rendikont finali ta’ kull ma jkun ġie kkonfiskat f’din l-operazzjoni jingħata hekk kif din tingħalaq.

More in Kronaka