21 persuna, fosthom Marokkini u Pakistani, jitressqu l-Qorti wara rewwixta oħra lbieraħ

Diversi persuni li jgħixu fiċ-ċentru ta' detenzjoni ta' Ħal Safi jitressqu l-Qorti wara t-tieni protesta mill-immigranti f'temp ta' ġimgħa

L-immigranti telgħin il-Qorti
L-immigranti telgħin il-Qorti

Fil-Qorti dalgħodu tressqu 21 persuna li jgħixu fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Ħal Safi kollha lebsin l-oranġjo. Huma qed ikunu akkużati b'rewwixta li saret ilbieraħ fl-istess ċentru. Din kienet it-tieni rvell f'temp ta' ġimgħa biss, wara dik f'Ħal Far li wasslet għal tkissir, ħruq u persuna l-isptar. 

Jidher illi lbieraħ l-immigranti bdew jarmu oġġetti lejn l-istaff taċ-ċentru hekk kif bdew jesiġu li jingħataw il-libertà. Jidher li f'mument minnhom grupp minn dawn l-immigranti sar aggressiv, għalkemm il-pulizija daħlet mill-ewwel biex tikkalma s-sitwazzjoni. 

Fortunatament u kuntrarjament għal kwistjoni ta' Ħal Far, ilbieraħ ħadd ma sofra ġrieħi. 

L-akkużati, kollha rġiel u li huma mis-Sudan, in-Niġerja, il-Pakistan, il-Marokk, l-Alġerija, is-Somalja u n-Niġerja kienu akkużati illi kkawżaw ħsara u li pparteċipaw f'assemblea illegali u li m'obdewx l-ordnijiet tal-pulizija. Huma kienu akkużati wkoll bi ksur tal-paċi pubblika. 

L-akkużati għandhom bejn 18 u 38 sena. Huma kollha ċaħdu l-akkużi miġjubin kontrihom. 

 

More in Kronaka