Tliet persuni arrestati wara li razzett fiż-Żejtun inbidel f'moħba għat-traffikar tad-droga

Apparti d-droga, f'karozza ta' wieħed mill-irġiel arrestati nstabet ukoll pistola

 

Tliet persuni ġew arrestati wara li l-Pulizija daħlet u wettqet rejd f’razzett fiż-Żejtun fejn kienet ilha jiem tosserva attività suspettuża.

Il-Pulizija arrestat raġel ta’ 41 sena residenti ż-Żejtun, mara ta’ 41 sena residenti x- Xgħajra u Taljan ta’ 28 sena residenti Marsaskala

Minn tfittxija li saret fir-razzett instabu xi pakketti bil-kokaina u l-eroina lesti għat- traffikar, kif ukoll affarijiet relatati mat-traffikar tad-droga. 

Fil-vettura tar-raġel instabet ukoll pistola u iktar pakketti bl-eroina. 

Ir-raġel li joqgħod iż-Żejtun mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum akkużat bit-traffikar u l-pussess aggravat tal-imsemmija droga, bil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, kif ukoll bil-ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja li ngħata b’rabta ma’ kawżi oħra.

Il-mara u t-Taljan mistennija jitressqu wkoll il-Qorti fil-jiem li ġejjin akkużati bil-pussess sempliċi tad-droga kokaina. 

More in Kronaka