Anzjan fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar fil-Ħamrun

L-Inċident seħħ għall-ħabta tas-6:15am fi Triq il-Kbira San Ġużepp

Anzjan ta’ 82 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar kmieni dalgħodu fi Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun.

L-Inċident seħħ għall-ħabta tas-6:15am.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u rriżulta li raġel li għandu 82 sena u residenti l-Ħamrun safa’ milqut minn vettura misjuqa minn mara ta’ 39 sena residenti Santa Venera. 

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ħatret Inkjesta Maġisterjali. 

L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka