Raġel jitlef il-kontroll tal-quad bike tiegħu u jispiċċa l-isptar bi ġrieħi sejri

 ... Miegħu wkoll tfajla li iżda sofriet biss minn ġrieħi ħfief

Ilbieraħ, għall-10:30 p.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq San Tumas, Ħal Luqa u li kien hemm persuni li sofrew xi ġrieħi.

Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari irriżulta li raġel ta’ 64 sena residenti il-Ħamrun għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-quad bike li kien qiegħed isuq. Konsegwenza ta' hekk il-quad bike tat-tip Moto-Roma ATV-150S inqaleb u x-xufier sofra xi ġrieħi. Flimkien mar-raġel kien hemm ukoll passiġġiera, tfajla ta’ 20 sena residenti l-Ħamrun, li wkoll sofriet xi ġrieħi. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ persuni l-isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li t-tfajla ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr M Farruġia LL.D, li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka