Ritratti | Karozza fis-Swieqi ppakkjata b'40 kilogramma ħaxixa tal-kannabis

B'rabta ma' dan il-każ ġew arrestati żewġ persuni u qed ikun interrogat raġel ieħor

L-Iskwadra ta' Kontra d-Droga lbieraħ interċettat vettura fis-Swieqi li kienet mgħobbija b'14-il kaxxa tal-kartun li kienu jinkludu madwar 40 kilogramma ħaxixa tal-Kannabis.

Fil-vettura kien hemm żewġt irġiel Sqallin ta' 36 u 46 sena, b'wieħed minnhom residenti San Pawl il- Baħar, li ġew arrestati b'rabta ma' din is-sejba. 

Raġel Malti ta' 61 sena residenti Santa Venera qiegħed ukoll jiġi interrogat b'rabta ma' dan il-każ. 

Fi stqarrija, il-Pulizija faħħret il-ħidma ta’ din l-iskwadra li fi kliemha, rnexxielha tkisser ċirku ieħor ta' traffikar ta' droga.

Il-Maġistrat tal-Għassa ġie infurmat bis-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta. 

L-Isqallin mistennija jitressqu l-Qorti b'arrest għada quddiem akkużati fost oħrajn b'assoċjazzjoni fl-importazzjoni u pussess aggravat tal-ħaxixa tal-Kannabis. 

Mhux eskluż li l- Malti jitressaq ukoll b'akkużi simili. 

More in Kronaka