Taf kif għandek tarmi l-mediċina? Mil-lum tibda skema ġdida

Mediċini skaduti jew li ma għadhomx meħtieġa għandhom jiġu depożitati f’kontenituri speċjalizzati għar-rimi fi spiżeriji madwar Malta u Għawdex

Mil-lum, il-mediċini kollha skaduti jew li mhumiex aktar meħtieġa għandhom jiġu depożitati f’kontenituri speċjalizzati għar-rimi fi spiżeriji madwar Malta u Għawdex.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera waqt konferenza stampa fejn nieda l-fażi li jmiss tal-kampanja nazzjonali ‘Sort It Out’, u elenka dwar kif ir-rimi korrett ta’ mediċini skaduti jew li mhumiex aktar meħtieġa, bħala l-pass li jmiss għal ambjent aħjar. 

L-iskart mediċinali jiġi ġġenerat meta l-oġġett mediċinali jiskadi jew ma jkunx aktar meħtieġ mill-konsumatur. 

Dan it-tip ta’ skart jista’ jkun perikoluż, mhux biss għal persuni li jimmaniġjaw l-iskart iżda anki għall-ambjent u għaldaqstant dan it-tip ta’ skart m’għandux jispiċċa fil-landfills.

Kif se jibda jintrema l-iskart mediċinali?

Mil-lum stess, Wasteserv se tkun għaddejja b’kampanja edukattiva mmirata biex tispjega liema oġġetti mediċinali jistgħu jiġu riċiklati u li għandhom jintremew fl-ispiżeriji. 

Oġġetti komuni li għandhom jintremew fil-waste bins mediċinali għand l-ispiżjar jinkludu pilloli u kapsoli farrada jew pakketjati, mediċini bbottiljati, inhalers u tubi ta’ kremi mediċinali. 

Rigward il-pakkett tal-kartun, il-fuljetti ta’ informazzjoni u kwalunkwe tappijiet, tazzi jew mgħaref tal-plastik li jkunu inklużi mal-mediċini għandhom jitpoġġew fil-borża l-griża jew ħadra tar-riċiklaġġ. 

Inhalers tal-plastik għandhom jigu sseparati minn mal-canister u riċiklati, filwaqt li fliexken tal-mediċina vojta tal-ħġieġ għandhom jitqiegħdu mal-iskart tal-ħġieġ.

Min-naħa l-oħra, pakketti vojta ta’ pilloli u kapsoli, u oġġetti kosmetiċi għandhom imorru fil-borża s-sewda. Oġġetti meqjusa bħala biohazardous bħal siringi jew epipens għandhom jintremew f’kontenitur speċjali għal tal-apposta u jittieħdu f’Ċentru Ċiviku. 

163 spiżerija privata se jieħu sehem

Aktar minn 60% tal-ispiżeriji se jkunu qed jipparteċipaw f’din l-iskema. Fil-fatt, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega kif 163 spiżerija privata qed jipparteċipaw fil-proġett, 

Fearne spjega kif din hija sistema importanti ħafna anke għas-saħħa u għall-ambjent għax finalment meta wieħed jarmi mediċini bħal dawn fis-sistema tad-drenaġġ jew fil-borża s-sewda, dawn finalment jispiċċaw fl-ilma jew fil-ħamrija.

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur, Indafa Pubblika u s-Sostenn tal-Belt Kapitali Deo Debattista spjega kif l-konsumatur ser jibda jsib kontenituri speċjalizzati f’kull spiżerija li għandhom jintużaw minn persuni li jixtiequ jiddisponu minn xi mediċini. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li din l-inizjattiva hija parti minn proġett ferm ikbar li qiegħed jibbenefika minn madwar €7 miljun mill-Fond ta’ Koeżjoni. 

More in Kronaka