Għada tiftaħ skema għall-fidi taċ-ċnus temporanji u kirjiet fuq proprjetajiet residenzjali

L-iskema se tibqa’ miftuħa għal perjodu indefinit

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius ħabbru li għada, l-1 ta’ Ottubru 2019, se tkun qed tiftaħ skema għall-fidi taċ-ċnus temporanji u kirjiet fuq proprjetajiet residenzjali flimkien mal-Uffiċċju Konġunt fuq proprjetajiet residenzjali; skema li tħabbret f’Mejju li għadda u li se tkun qed tiġi amministrata mill-Uffiċċju Konġunt u mill-Awtorità tal-Artijiet.

“Din hija skema li se twassal biex jibbenefikaw minnha eluf ta’ familji u individwi li jgħixu fi proprjetajiet ta’ dan it-tip, skema li ilha mistennija minn ħafna Maltin u Għawdxin għal ħafna snin. Huma skemi bħal din li jwasslu lil dan il-Gvern biex jgħid li huwa verament Gvern b’qalb soċjali, Gvern li verament jagħti dak li jwiegħed, skemi li jtuna l-kunfidenza ngħidu li l-ewwel u qabel kollox hemm in-nies u l-kwalità tal-ħajja li huma jgħixu”, qal il-Ministru Ian Borg. 

Il-Ministru Borg ħeġġeġ lil kull min hu eliġibbli biex jaċċessa l-linji gwida u l-applikazzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu din l-opportunità li jiksbu l-proprjetà tagħhom f’isimhom. Huwa fakkar li aktar kmieni din is-sena, l-istess awtorità rat kif tiffaċilita wkoll it-trasferiment tal-qbiela tal-art agrikola, "din hi skema oħra li b’mod dirett taffettwa l-kwalità tal-ħajja ta’ settur tas-soċjetà tagħna" qal Borg.

Filwaqt li l-prezzijiet huma komparabbli ma’ prezzijiet ta’ skemi preċedenti, l-iskema xorta waħda se tibqa’ miftuħa għal perjodu indefinit bil-ħsieb li kull min hu eliġibbli jingħata l-opportunità li jipprepara ruħu għal kwalunkwe spejjeż marbuta ma’ dan il-fidi.

“Intenni l-impenn sħiħ li nkomplu naraw aktar skemi bħal dawn, li jagħtu prijorità liċ-ċittadin, lir-resident, li verament iwasslu s-suċċess għand in-nies. Din hija t-tifsira ta’ pajjiż suċċess, li jkun kapaċi b’mod tanġibbli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja, il-livell tal-għajxien”, għalaq il-Ministru Borg.

Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li, "se nkomplu naħdmu sabiex nagħtu l-opportunità lil aktar familji jsiru sidien ta’ djarhom."Huwa kompla jispjega li, permezz ta’ din l-iskema, familji li ilhom jistennew numru ta’ snin sabiex isiru verament sidien ta’ djarhom ikunu jistgħu jaqtgħu xewqithom.

“Qed nagħtu l-opportunità lill-familji Maltin u Għawdxin li jgħixu fi proprjetà tal-Gvern li hi suġġetta għal ċens temporanju jew kirja jsiru sidien ta’ djarhom. L-iskema hija mmirata għal residenti u mhux għal negozji jew proprjetajiet kummerċjali”, spjega s-Segretarju Parlamentari.

Agius tenna li din hija skema oħra li qed toħroġ l-Awtorità tal Artijiet flimkien mal-Uffiċċju Konġunt sabiex talbiet pendenti għal ħafna snin ikunu jistgħu jiġu solvuti. "Dan ikompli jtenni l-impenn tal-Gvern sabiex aktar familji isiru s-sidien tad-djar tagħhom u b’hekk is-suċċess ekonomiku jkompli jilħaq aktar nies," qal Agius.

Għal-linji gwida u l-applikazzjoni, il-pubbliku huwa mitlub jaċċessa din il-ħolqa: https://landsauthority.org.mt/purchase-of-the-temporary-directum-dominium/

More in Kronaka