Żagħżugħa l-isptar wara inċident tat-traffiku fi Triq il-Kosta

Iż-żagħżugħa kienet passiġġiera f'vettura li tilfet il-kontroll u spiċċaw f'crash barriers

Żagħżugħa ta’ 22 sena li kienet passiġġiera f’karozza qed isofri minn ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku li seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tas-sagħtejn neqsin kwart.

L-inċident seħħ fi Triq Tul il-Kosta, in-Naxxar.

Mill-ewwel informazzjoni jirriżulta li raġel ta’ 23 sena, residenti Ta’ Xbiex, kien qiegħed isuq vettura, meta għal xi raġuni, tilef il-kontroll u kellu impatt mal-crash barriers. 

Flimkien max-xufier, kien hemm iż-żagħżugħa ta’ 22 sena, residenti Ħaż-Żabbar, li kawża tal-inċident sofriet xi ġrieħi u ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura. 

Iktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ġuvni ma sofra l-ebda ġrieħi. 

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka