Katavri moħbija u oħrajn li qatt ma nstabu; L-ILLUM tistaqsi

Katavru ta’ tfajla rrapportata nieqsa nstab 11-il sena ilu. Ġieli kien hemm każi simili? Fejn ġieli nstabu katavri moħbija? L-ILLUM tistaqsi

Ħafna kienu xxukkjati bl-aħbar li nstabu l-fdalijiet tal-katavru ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena, li kienet ilha rrapportata nieqsa mill-2008. Ftit għadhom ħarġu dettalji dwar dan il-każ, ħlief għal rapporti li raġel, li kien arrestat u misjub ħati fuq serqa mill-Gżira, stqarr mal-Pulizija fejn jinsab il-katavru ta’ Farrugia.

Iżda dan kien każ iżolat? F’Malta ġieli kellna każijiet simili? Dwar dan, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-istoriku tal-kriminal, Eddie Attard. Miegħu tat ħarsa lejn każijiet li ġew solvuti wara ħafna snin, każijiet fejn katavri nstabu moħbija u anke każijiet sal-lum għadhom misteru.

Ma jkunx prudenti jekk f’dan l-istadju wieħed jaqbad u jaqta’ linja dwar il-każ ta’ Charlene Farrugia, iżda skont rapporti, kien is-suspettat li stqarr mal-Pulizija fejn jinsab il-katavru. 

Eddie Attard saħaq li fl-istorja tal-kriminal f’Malta kien hemm każ wieħed biss fejn persuna li kienet wettqet omiċidju stqarret hi stess mal-Pulizija dak li kienet wettqet.

Dan il-każ imur lura 111-il sena ilu, jiġifieri fl-1908. Żagħżugħ li kellu 17-il sena kien qatel lil kuġinuh li kien għadu żgħir. Wara li qatlu, kien tefa’ l-katavru tiegħu ġo għar f’Ricasoli.

Sena u nofs wara, dan iż-żagħżugħ kien qabeż il-Pulizija u mar direttament għand Maġistrat u stqarr miegħu dak li kien wettaq. Il-Maġistrat, akkumpanjat mill-Pulizija, kien mar fil-post fejn qallu ż-żagħżugħ u hemmhekk sabu l-fdalijiet tal-katavru tat-tifel.

harlene Farrugia li l-fdalijiet tal-katavru tagħha nstabu moħbija wara 11-il sena
harlene Farrugia li l-fdalijiet tal-katavru tagħha nstabu moħbija wara 11-il sena

Ġieli kellna każ ta’ omiċidju solvut wara ħafna snin?

Ħafna baqgħu skantati għall-fatt li l-katavru ta’ Charlene Farrugia nstab wara 11-il sena. Vera li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u dan il-każ għadu mhux magħluq, iżda staqsejna lil Attard jekk kienx hemm drabi fejn każ ta’ omiċidju kien ġie solvut wara li għaddew ħafna snin.

Minnufih semmielna każ ta’ omiċidju li kien twettaq fl-1905 u li d-dettalji dwaru kien kixifhom ċertu Giuseppe Ellul, madwar 22 sena wara. Ellul kien biss xhud. Kien ra l-omiċidju jseħħ iżda żamm kollox mistur. Sadanittant kien hemm persuna ssuspettata iżda l-Pulizija qatt ma sabet provi kontrih.

Ġara li dan Giuseppe Ellul kien weħed sitt snin ħabs fuq serqa li kien wettaq u ddeċieda li jilgħab karta. Saħaq li kien lest jikxef x’kien ġara 22 sena qabel, bil-patt u l-kundizzjoni li lilu jaħfrulu s-sentenza. Hekk kien ġara u l-każ kien ġie solvut.

Is-serial killer Malti li nkixef għax parla ma’ sħabu...

F’każi oħra, omiċidji ġew solvuti għax persuni tkellmu aktar milli kellhom, forsi wkoll għax il-kuxjenza ma tħallihomx kwieti u għalhekk, ma’ xi ħadd, ikunu jridu jiftħu qalbhom.

Eddie Attard semma l-każijiet li ħafna għadhom jiftakru, jiġifieri dawk ta’ Silvio Mangion, meqjus bħala ‘serial killier,’ hekk kif ġie akkużat li wettaq xejn inqas minn tliet omiċidji u attentat ta’ ieħor.

Dan Mangion, magħruf bħala Kalang, kien instab ħati li fl-1998 kien qatel lill-ġar tiegħu, Frenċ Cassar ta’ 74 sena u bl-attentat tal-qtil ta’ oħtu.  Mangion kien weħel 20 sena ħabs. 

Fl-2005 Mangion kien inkixef minn residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li parla u kixef li kien hu li qatel lil Rosina Zammit u lil Maria Stella Magrin.

L-omiċidju ta’ Rosina Zammit seħħ fl-1984. Zammit, li kellha 54 sena, kienet instabet fid-dar tagħha, f’għadira demm, wara li qalgħet 37 daqqa ta’ sikkina. Mangion instab ħati ta’ dan il-każ u weħel għomru l-ħabs.

Ir-rapport fuq il-gazzetta The Times of Malta wara s-sejba tal-katavru ta’ Maria Stella Magrin fl-1986
Ir-rapport fuq il-gazzetta The Times of Malta wara s-sejba tal-katavru ta’ Maria Stella Magrin fl-1986

Mill-banda l-oħra, Maria Stella Magrin inqatlet fl-1986. Din l-anzjana kienet instabet fid-dar tagħha f’Bormla bi 12-il daqqa ta’ sikkina. Dwar dan il-każ, Mangion għad irid jgħaddi ġuri.

Każ ieħor ma tantx imur lura fi żmien. Fl-2004, f’Għawdex, kien inqatel l-Avukat Michael Grech. Grech kien attakkat quddiem ir-residenza tiegħu f’Marsalforn, imkaxkar sal-garaxx u maqtul b’tir f’rasu.

Daniel Zerafa, magħruf bħala ‘l-Pixka,’ kien weħel għomru l-ħabs wara li nstab ħati ta’ dan l-omiċidju. Inqabad għax kien parla ma’ żewġ persuni oħra li kixfuh.

Katavru li nħeba mhux dejjem instab...

Ħafna skantaw kif il-katavru ta’ Charlene Farrugia nstab wara 11-il sena moħbi. Il-ħabi ta’ katavru komuni fl-omiċidji li seħħew f’Malta?

Eddie Attard spjega kif il-ħabi tal-katavri mhuwiex xi fenomenu tal-lum, iżda kien komuni wkoll fil-każijiet li seħħew fl-imgħoddi, tant li ġieli l-katavru baqa’ qatt ma nstab.

Mara kienet qatlet lir-raġel tagħha, bil-ħabib tagħha jkun kompliċi u għenha taħbi l-katavru biswit Għar Ħasan
Mara kienet qatlet lir-raġel tagħha, bil-ħabib tagħha jkun kompliċi u għenha taħbi l-katavru biswit Għar Ħasan

Fil-fatt, l-istoriku tal-kriminal semma każ li kien kien seħħ fil-5 ta’ Diċembru tal-1999. Għawdxi kien ammetta li qatel lill-mara tiegħu u tefa’ l-katavru tagħha fil-baħar. Minkejja t-tfittxijiet, dan baqa’ qatt ma nstab.

Każ aktar riċenti jmur lura għall-2005. Brian Rosso kien għeb f’Ottubru ta’ dik is-sena. Żewġ persuni tressqu akkużati bil-qtil ta’ Rosso. Dan il-każ għadu pendenti, b’Rosso jew il-katavru tiegħu baqgħu qatt ma nstabu.

Attard saħaq ukoll kif f’Għawdex hemm diversi każijiet ta’ omiċidji fejn il-katavri baqgħu ma nstabux. 

Iżda ħafna drabi l-katavru nstab...

Mill-banda l-oħra, f’ħafna każi oħra, il-katavru nstab. Eddie Attard ħadna lura għall-każ li kien seħħ bejn is-7 u t-8 ta’ Mejju tal-1971.

Carmelo Cassar kien inqatel mill-mara tiegħu u l-ħabib tagħha. L-omiċidju kien seħħ l-Isla iżda l-katavru kien instab fl-inħawi ta’ Għar Ħasan, fil-limiti ta’ Birżebbuġa. 

Bħall-każijiet imsemmija qabel, dan il-każ kien ġie solvut għax il-mara kienet parlat u ma’ min parlat kien kixef. Hija kienet weħlet għomorha l-ħabs, filwaqt li l-ħabib tagħha weħel 18-il xahar ħabs.

It-Torri tal-Għallis, fejn instabu żewġ katavri wieħed fl-1955 u ieħor fl-1985
It-Torri tal-Għallis, fejn instabu żewġ katavri wieħed fl-1955 u ieħor fl-1985

Morna aktar lura fi żmien, din id-darba fl-1955. Fid-9 ta’ Marzu ta’ dik is-sena, katavru kien instab ġo bir bla ilma fit-Torri tal-Għallis. Il-katavru kien ta’ raġel li nsteraq ħmistax qabel.

Nibqgħu fl-inħawi tat-Torri tal-Għallis, iżda mmorru għas-sena 1985. Eddie Attard semmielna każ li kien seħħ fi Frar. Ċertu Manwel Micallef kien irrapportat nieqes. 

B’rabta mal-għibien tiegħu kien ġie arrestat raġel u waqt l-interrogazzjoni kien stqarr fejn kien ħeba l-katavru

Manwel Micallef kien instab midfun biswit it-Torri tal-Għallis, fit-30 ta’ Mejju tal-istess sena.

F’dik is-sena wkoll, jiġifieri fl-1985, kien instab katavru ieħor. Fl-1982, Lino Cauchi, accountant minn Santa Venera, kien irrapportat nieqes. Il-katavru tiegħu kien instab f’Novembru tal-1985, imqatta’ biċċiet, ġo bir fil-Buskett.

Għeb fl-2005. Żewġt irġiel tressqu akkużati bil-qtil tiegħu iżda baqa’ qatt ma nstab
Għeb fl-2005. Żewġt irġiel tressqu akkużati bil-qtil tiegħu iżda baqa’ qatt ma nstab

Ma hemmx għalfejn imorru daqshekk ’il bogħod...

Iżda ma hemmx għalfejn immorru ħafna snin lura. Fl-aħħar snin kellna diversi każijiet ta’ katavri li nstabu moħbija.

Eddie Attard fakkarna kif f’Ottubru tal-2013, Paul Grech instab bla ħajja, moħbi ġo fissura fil-blat fl-Aħrax tal-Mellieħa. Huwa ċar li Grech inqatel, iżda sal-lum dan il-każ għadu misteru.

Każ li xxokkja ħafna nies u li tkellem dwaru Eddie Attard, kien dak ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala “l-Imnieħru,” u ibnu li fl-2013 kienu nstabu midfuna ġo għalqa fil-Qajjenza. 

Ftti wara, fl-istess għalqa, kienu nstabu partijiet mill-ġisem ta’ Matthew Zahra, li kien ilu rrapportat nieqes madwar sena. Dan il-każ ukoll għandu pendenti.

Każ ieħor seħħ aktar kmieni din is-sena. Maria Lourdes Bonnici u bintha Angele Bonnici kienu nstabu midfuna ġo għalqa f’Ħal Għaxaq wara li nqatlu b’tiri f’rashom u daqqiet ta’ mazza. 

Iben u ħu l-vittma qed ikun akkużat b’dan l-omiċidju, għalkemm hu qed iwieġeb mhux ħati, skont il-Prosekuzzjoni kien l-akkużat innifsu li ammetta u li kixef fejn kienu moħbija l-iġsma.

More in Kronaka