'Camping f'Kemmuna mhux permess fiż-żona 'l barra mill-inħawi tal-Ful'

Dan sakemm ma jkunx hemm permessi maħruġa mill-istess ERA. 

Fi stqarrija ppubblikata illum, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) reġgħet fakkret li camping fuq Kemmuna mhux permess fiż-żoni ’l barra mill-inħawi magħrufa bħala tal-Ful. Dan sakemm ma jkunx hemm permessi maħruġa mill-istess ERA. 

L-ERA spjegat li meta jintalbu l-permessi, dawn jiġu evalwati mill-uffiċjali tal-Awtorità  li jeżaminaw  l-applikazzjoni.

"Dan is-sajf, camping jista’ jsir f’tal-Ful wara li tlesta x-xogħol ta' ristrutturar minn AmbjentMalta. Dan ix-xogħol jinkludi t-tneħħija ta' materjal mormi illegalment, l-installazzjoni ta' fencing, tħawwil ta' siġar varji u invellar tal-art," qalet l-istqarrija.

Apparti minn dan, l-ERA fakkret li min jingħata permess irid jiżgura li: ma’ ssir ebda ħsara lil speċi protetti u li tittieħed kull prekawzjoni biex ma’ ssirx ħsara lill-ambjent, jirrispetta l-istatus protett taż-żona u ma’ jagħmel ebda tibdiliet fiżiċi lis-sit jew fil-madwar u li huwa finalment responsabbli mill-ġbir u rimi ta’ kwalunkwe skart iġġenerat.

Finalment l-istqarrija qalet li kundizzjonijiet oħra japplikaw għall-livell ta' ħoss iġġenerat, l-użu ta; barbeques, generators, fjuwil u materjal ieħor li jista' jkun perikoluż.

More in Kronaka