Issakkret fit-toilet biex tirrapporta lir-raġel miżżewweġ li kien isawwatha u jistupraha

Rakkont ta' mara fil-Qorti dalgħodu b'akkużi kontra raġel miżżewweġ b'żewġt itfal li kien isawwatha u jistupraha ... ir-raġel jiċħad l-akkużi kontrih

Il-Qorti dalgħodu semgħet kif mara kienet allegatament msawta u stuprata minn raġel miżżewweġ b'żewġt itfal, is-sena l-oħra. 

Ir-raġel huwa Libjan u jmexxi kafetterija.

Il-vittma qalet illi darba kellhom argument wara li dan sab lil raġel ieħor id-dar tagħha, bl-argument isir vjolenti hekk kif qalet li taha diversi daqqiet ta' ponn. 

Il-mara kienet għamlet rapport lill-Pulizija f'Mejju tas-sena l-oħra, meta kienet qalet illi l-akkużat kien ġie d-dar tagħha wara li beda jibgħatilha diversi messaġġi fuq il-mobile. Minkejja li qaltu biex jitlaq huwa aktar irrabja sakemm, qalet fil-Qorti l-mara, stednitu jmorru jieħdu pizza biex tikkalma s-sitwazzjoni. 

Xħin kienu fir-restorant hija marret fit-toilet, fejn sakkret lilha nnifisha u ċemplet lill-Pulizija. Hija qalet ukoll illi r-raġel kien stupraha fil-karozza f'Baħar iċ-Ċagħaq, erba' xhur qabel dan l-inċident. 

L-akkużat ċaħad l-akkużi kontrieh u qal li l-mara kienet tagħti daqqiet lilha nnifisha. Dwar l-allegat inċident f'Baħar iċ-Cagħaq, sostna illi hu kien mar jixtri ilma u meta mar lura fil-karozza sabha għarwiena. 

Il-Qorti poġġiet lil mara taħt ordni ta' protezzjoni u wissiet lir-raġel biex ma jikkomunikax jew jersaq lejn il-mara. 

Il-Qorti wissiet li jekk l-akkużat jikser dawn il-kundizzjonijiet jista' jeħel sa' seba' snin ħabs. 

More in Kronaka