Raġel jitlef ħajtu dalgħodu wara li l-appartament tiegħu ħa n-nar

Flimkien mal-vittma fl-appartament kien hemm martu u ibnu ta’ 25 sena, li nħarġu u ttieħu l-isptar Mater Dei 

Ir-raġel li tilef ħajtu dalgħodu  |  Ritratt ta' Ġaħan Onljan
Ir-raġel li tilef ħajtu dalgħodu | Ritratt ta' Ġaħan Onljan

Joe Dimech raġel ta’ 70 sena tilef ħajtu fl-appartament fejn jgħix, li ħa n-nar dalgħodu fl-Imsida.

Għall-ħabta tas-7:00 a.m il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa residenza fi Triq Oscar Zammit.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kien hemm nirien ġewwa appartament fl-imsemmija triq.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li kkontrollaw in-nirien flimkien ma’ ambulanza li ħadet ġuvni ta’ 25 sena u mara ta’ 66 sena, it-tnejn residenti l-Imsida, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-ġuvni ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-mara għadha mhux iċċertifikata.

L-ewwel tagħrif jindika li n-nar possibilment beda minn ċilindru tal-gass, bil-ġirien jgħidu li semgħu splużjoni.

Il-katavru ta’ Dimech instab fix-xaft tal-binja wara li l-membri tal-Protezzjoni Ċivili rnexxielhom jikkontrollaw in-nar u jidħlu ġewwa.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr S Grech LLD li ħatret inkjesta maġisterjali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

 

More in Kronaka