Filmat | Kelb mejjet jinstab fl-istess dar fejn jumejn ilu nstabet mara mejta wara tliet xhur

Is-sejba saret minn membri tal-MSPCA li marru jiġbru s-sitt iqtates li kienu f'din id-dar

Wara s-sejba makabra ta’ mara li x’aktarx kienet ilha tliet xhur mejta ġo appartament f’San Pawl il-Baħar, dalgħodu nstab mejjet ukoll il-kelb tal-anzjana.

Kienet l-attivista għall-ħarsien tal-annimali, Moira Delia li fuq Facebook kitbet li l-MSPCA dalgħodu marru biex jieħdu s-sitt iqtates li nstabu fid-dar fejn instabet mejta l-anzjana.

Waqt din it-tfittxija, taħt sodda, instab ukoll kelb mejjet li kien fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.

Delia kienet fuq il-post waqt l-iffilmjar tal-programm Animal Diaries li se jixxandar illejla fuq TVM.

Intant, mill-aħħar informazzjoni li ħarġet fl-aħħar jiem, fuq il-vittma ma nstabu l-ebda marki ta’ vjolenzi u dan ifisser li l-mara x’aktarx mietet mewta naturali.

Żewġha li kien baqa’ jgħix fl-istess dar fejn instab il-katavru, jinsab rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli.

Qed jingħad li r-raġel ma ried b’xejn li jinfired minn ma’ martu.

 

More in Kronaka