Ritratti | Jingħata l-aħħar tislima Paul Formosa, il-Malti li nqatel minn militanti fis-Somalja

Paul Formosa kien il-manager ta’ proġett ta’ kostruzzjoni fil-port ta’ Bossasso fis-Somalja u nqatel fl-4 ta’ Frar li għadda mill-militanti tal-Al Shabab

Ritratt | Paul Formosa
Ritratt | Paul Formosa

Dalgħodu, ingħata l-aħħar tislima Paul Formosa, il-manager Malti, li nqatel fl-4 ta’ Frar li għadda mill-militanti tal-Al Shabab

Formosa kien il-manager ta’ proġett ta’ kostruzzjoni fil-port ta’ Bossasso fis-Somalja, li kien fdat f’idejn il-kumpanija ta’ Dubai, P&O, wara konċessjoni kontroversjali mogħtija mill-Gvern reġjonali fl-2017 biex timmaniġja dan il-port.

Fil-knisja parrokjali ta’ Sant’Anna f’Wied il-Għajn, Patri Marcellino Micallef sellem lil Formosa bħala bniedem li ħadem qatigħ biex joffri dinjità lil ħafna persuna.

Kien hawn li waqt l-omelija indirizza liż-żewġt uliedu bniet u rringrazzjahom għax-xogħol li jagħmlu ma ħaddieħor.

“Tridu tibqgħu protagonisti tas-servizz għal ħaddieħor,” qalilhom waqt li ħeġġiġhom biex jibqgħu jgħożżu l-volontarjat.

Ftit wara l-mewt ta’ missierha, Sarah, ħarġet tikkummenta kontra dawk li hi sejħitilhom bħala ‘gwerriera wara l-keyboards,” u li fi kliemha użaw il-mewt ta’ missierha biex jiġġustifikaw ir-razziżmu.

“Missieri kien raġel tajjeb…dawk li qed jaħarbu mis-Somalja qed jagħmlu dan biex jaħarbu minn dawk li qatlu l-missieri,” kitbet Sarah.

Waqt l-omelija tiegħu, Patri Marcellino qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi wieħed isibha diffiċli biex isib lil Alla iżda stieden lil dawk preżenti biex iduru lejn Kristu.

“Duru lejn Kristu. Alla jinsab f’dawk madwarna li qed ibagħtu u dalgħodu qiegħed jisfidana biex inkomplu naħdmu mal-fqir, mar-refuġjati, mat-tfal morda u ma dawk abbużati,” temm iħeġġeġ Patri Marcellino.

More in Kronaka