Ħelsin mill-arrest għaż-żagħżugħ li nqabad b'pussess ta' droga kokaina u eroina

L-akkużat kien mixli li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti

Dalgħodu fil-Qorti ġuvni ta' 19-il sena ġie akkużat b'pussess aggravat ta' droga kokaina u l-eroina f'ċirkostanzi li juru li ma kienux għall-użu esklussiv tiegħu.

Il-ġuvni deher quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti f'każ separat.

F'Ottubru li għadda, ż-żagħżugħ kien inqabad mill-Pulizija waqt roadblock ma' raġel ieħor, b'pussess ta' droga eroina u kokaina lesti f'pakketti biex jinbiegħu.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia talbu għall-ħelsin mill-arrest għaż-żagħżugħ.

Il-prosekuzzjoni m'oġġezzjonatx din it-talba.

Il-Qorti ħelset liż-żagħżugħ mill-arrest fuq depożitu ta' €300 u garanzija personali ta' €5000.

More in Kronaka