Qorti | Libertà proviżorja u sentenza sospiża għaż-żewġt irġiel akkużati bi vjolenza domestika

Il-Qorti tisma' żewġ każijiet separati ta' irġiel akkużati b'vjolenza domestika fuq is-sieħba tagħhom.

Illum il-Qorti semgħet żewġ każijiet separati fil-konfront ta’ żewġt irġiel mixlija bi vjolenza domestika.

Fl-ewwel każ, raġel ta’ 48 sena miż-Żurrieq kien akkużat li għamel numru ta’ theddid fil-konfront tas-sieħba tiegħu inkluż dik li joqtolha kif ukoll li sawwatha.Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u ngħata l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €300 u garanzija ta’ €2000. Hu kien ordnat ukoll biex joqgħod ‘l bogħod mill-mara.

Apparti minn dan, minħabba l-fatt li attwalment ir-raġel m’għandux indirizz fiss, il-Qorti tagħtu ġimgħa ċans biex jinformaha bl-indirizz il-ġdid.

Fil-każ sussegwenti, raġel ta’ 68 sena minn Birkirkara kien akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-eks sieħba tiegħu, heddidha bil-mewt, ksir ta’ paċi pubblika u li qanqalha biża li ser tintuża vjolenza kontrija.

F’dan il-każ, l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u għalekk ingħata s-sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiża għall-sena, flimkien ma’ multa ta’ €100 li trid titħallas fi żmien sitt xhur.

Il-Qorti ordnat li l-ismijiet tal-akkużati ma jiġux ippublikati  bl-għan li jiġu s-salvagwardati l-vittmi f'dawn il-każijiet.

More in Kronaka