Ritratti | Wara jumejn ħidma d-Dwana tikkonferma s-sejba ta' 10,729kg kannabis

Id-droga misjuba ġġib prezz ta’ madwar €28.5 miljun

Id-Dipartiment tad-Dwana issa huwa f’pożizzjoni li jikkonferma li l-akbar sejba ta’ droga kienet tammonta għal 10,729.40 kilogramm ta’ raża tal-kannabis li, fis-suq, iġġib prezz ta’ madwar €28.5 miljun.

Fl-aħħar jumejn u żewġt iljieli, l-Anti-Drug Squad u s-Sezzjoni tal-Forensika, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, flimkien mal-uffiċjali tad-Dwana fetħu l-erba’ kontejners li qajmu suspett.

  • L-ewwel kontejner li nfetaħ, li kien iddikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, mill-bramel li suppost kienu mimlija bid-deterġent inħarġu 28,436 pakkett b’raża tal-kannabis, li komplessivament kienu jiżnu 5,687.20 kilogramma.
  • Mit-tieni kontejner li nfetaħ, li wkoll kien iddikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, mill-bramel inħarġu 25,211 pakkett b’raża tal-kannabis, li komplessivament kienu jiżnu 5,042.20 kilogramma.
  • It-tielet kontejner, li l-iscanner ma wera l-ebda inkonsistenza fih, u li kien ukoll iddikjarat li kien qed iġorr patalotti ta’ deterġenti, infetaħ ukoll u ġie eżaminat barmil, barmil. Fih ma rriżultat l-ebda sejba ta’ droga.
  •  Ir-raba’ kontejner, li wkoll l-iscanner ma wera l-ebda inkonsistenza fih, u li kien iddikjarat li kien qed iġorr lampi tal-welding (blow torches), infetaħ ukoll, iżda ma rriżultat l-ebda sejba ta’ droga.

Fi stqarrija, id-Dipartiment tad-Dwana rringrazzja lill-Pulizija tal-Anti-Drug Squad u lit-tim Forensiku tal-Korp tal-Pulizija, lid-Dipartiment tas-Security tal-Freeport u  lill-Uffiċjali kollha tad-Dwana involuti f’din l-akbar ħidma qatt imwettqa fl-istorja ta’ Malta.

Irringrazzja wkoll lill-Kummissjoni Ewropeja, inkuż l-OLAF, fi ħdan il-Kummissjoni, li permezz tal-programmi tagħha ġew kofinanzjati x-xiri taz-ZBV Backscatter scanner, in-Nuctech scanner u l-apparat sofistikat analitiku, imħaddem mill-Customs Intelligence Service, u t-twaqqif tat-Taqsima l-ġdida tal-Klieb, fi ħdan it-Taqsima tal-Infurzar.

More in Kronaka