Palumbo tmeri lill-Pulizija u tisħaq li ma kienx hemm splużjoni fit-Tarzna

Palumbo tisħaq li ż-żewġ ħaddiema weġġgħu wara spark li kkawża xi nirien żgħar

Żewġ ħaddiema tat-Tarzna weġġgħu, wieħed minnhom bi ġrieħi serji, wara xi nirien ikkawżati minn spark waqt xi xogħlijiet li kienu għaddejin.

Fi stqarrija aktar qabel il-Pulizija qalet li l-inċident li seħħ illum għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart kien ikkawżat minn splużjoni, rapport li Palumbo ċaħdet.

Skont l-istess kumpanija, il-ħaddiema setgħu jimxu waħedhom wara l-inċident tant li kien kollega tagħhom li wassalhom l-Isptar Mater Dei. Ċaħdet ukoll li ssejħu ambulanzi u anke l-Protezzjoni Ċivili.

Madanakollu ma ċaħditx dak li qalu l-Pulizija, jiġifieri li raġel ta' 45 sena residenti n-Naxxar qed isofri minn ġrieħi serji u ħaddiem ieħor ta' 55 sena mill-Fgura sofra ġrieħi ħfief.

Dwar il-każ infetħet Inkjesta Maġisterjali.

 

More in Kronaka