'Cmelik kien ilu tmien xhur li waqaf jaħdem ma' Hugo Group'

Kelliem għall-kumpanija Hugo Group jinsisti illi ma kien hemm ebda forma ta' aggressjoni jew animożità minn Bojan Cmelik meta tkeċċa mix-xogħol fejn kien jaħdem 

L-akkużat bl-attentat ta' qtil fuq Hugo Chetcuti (fil-kaxxa)
L-akkużat bl-attentat ta' qtil fuq Hugo Chetcuti (fil-kaxxa)

Bojan Cmelik  kien waqaf jaħdem fi stabbiliment li s-sid tiegħu huwa Hugo Chetcuti, madwar tmien xhur ilu. 

Hekk żvela ma' dan is-sit Robert Bonnici, kelliem għall-kumpanija Hugo's Group, wara li lbieraħ il-gazzetta The Malta Independent irrappurtat illi Cmelik kien għadu kif tkeċċa mix-xogħol, ftit qabel ma' allegatament ipprova joqtol lil Hugo Chetcuti. 

Filwaqt li Bonnici kkonferma li Cmelik tkeċċa mix-xogħol, insista mal-illum.com.mt li fil-fatt ir-raġel Serb kien qed ifittex xogħol ieħor u hemm ċans li sakemm telaq minn ma' Hugo Group kien diġà offrut impjieg ieħor, ma' kumpanija differenti.

"Ma jien qed neskludi xejn, imma meta waqaf jaħdem ma' Hugo's Group ma kien hemm ebda sens ta' rabja jew animożità min-naħa tiegħu," qal Bonnici għall-mistoqsijiet ta' dan is-sit.  

Bonnici fakkar ukoll illi d-deċiżjoni li Cmelik jitwaqqaf mill-impjieg tiegħu saret mill-persuna li kienet tmexxi l-istabbiliment fejn kien jaħdem u mhux minn Hugo Chetcuti nnifsu. 

X'ġara eżatt il-Ġimgħa filgħaxija?
L-allegat aggressur huwa raġel Serb, jismu Bojan Cmelik u għandu 35 sena

Jidher illi quddiem l-istabbiliment ‘Seafood and Cocktail’ Cmelik attakka lill-intraprenditur, li kellu jiddaħħal l-isptar u kien f’qagħda kritika għal ħafna mil-lejl.
Cmelik ħarab jiġri minn fuq il-post u għaldaqstant, il-Pulizija tad-Distrett flimkien ma’ dawk mir-Rapid Intervention Unit bdew tfittxija intensiva sabiex jinstab. Iktar tard, il-Pulizija qabdet lill-allegat aggressur, għalkemm mhux qabel ma fil-fatt dan kien irnexxielu jaħrab darbtejn, darba ħdejn it-telgħa tal-Balluta u darba oħra quddiem l-Exiles.

Waqt dan l-arrest, is-suspettat ma bediex jobdi l-ordnijiet tal-Pulizija u saħansitra beda jaggredihom u anki kkawżalhom ġrieħi ħfief. Minħabba f’hekk, il-Pulizija kellha tuża t- taser sabiex ir-raġel seta’ jiġi mrażżan u kkontrollat. Minn tfittxija li saret fuq il-persuna tiegħu, irriżulta li r-raġel kien armat b’arma li taqta’ u bil-ponta. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba li kellu xi ġrieħi u wara li ġie rilaxxat, ġie eskortat lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għall-iktar stħarriġ.
Intant is-Sibt filgħodu Cmelik tressaq il-Qorti u ffaċċja erba’ akkużi. Dawn huma 1) attentat ta’ qtil jew inkella li jpoġġi ħajjet Hugo Chetcuti fil-periklu, 2) li attakka jew offenda lill-Pulizija, 3) li hedded pulizija bil-ħsieb li jbeżżgħu u 4) li ma obdiex l-ordnijiet mogħtija lilu mill-Pulizija.
Cmelik wieġeb mhux ħati u ma ngħatax ħelsien mill-arrest anke jekk  fil-fatt id-difiża lanqas biss talbitha.

More in Kronaka