Il-Prosekuturi Amerikani jorbtu l-Bank Pilatus mal-kriminalità

Geoffrey Bearman jgħid li €8 miljun u l-miljun Frank Żvizzeru minn attivita illegali intużaw biex jitwaqqaf il-bank f'Malta

L-avukat li qed imexxi l-proskeuzzjoni tal-istat Amerikan kontra Ali Sadr Hasheminejad,  rabat l-Bank Pilatus f'Malta ma "dħul kriminali. Hu sostna li b'kollox €8 miljun u 1 miljun Frank Żvizzeru li ġew mill-pagamenti magħmula lill-Hasheminejad fuq proġett ta' kostruzzjoni ta' djar fil-Veneżwela intużaw biex jistabbilixxu l-Pilatus Bank f' Malta.

L-avukat Ġenerali tal-Istati Uniti allega wkoll li "l-appartament tiegħu f’Washington D.C, li hu mifhum li jiswa mal-$1 .5 miljun, l-irziezet tal-pistaċċi tiegħu f’California,  li xtara b’valur ta’ $ 5.7 miljun u l-appartament ta’ ommu f’Maryland u  l-art ta’ oħtu f’ Malibu kienu ukoll akkwistati bi dħul kriminali marbut mal-proġett tal-Veneżwela"

 Hasheminejad,  għadu miżmum f'ħabs ta' l-Istati Uniti u qed jiġi akkużat bi ksur ta' sanzjonijiet Amerikani fuq l-Iran u b'akkużi ta' ħasil tal-flus għall-benefiċjarji Iranjani. Id-difiża qed titlob l-ħelsien mill-arrest fuq pakkett finanzjarju ta’ aktar minn $ 30 miljun f’bonds, però Bearman insista li l-pakkett finanzjarju kien “inadegwat minħabba l-kapaċità tal-akkużat biex jaħrab u r-riżorsi tiegħu barra mill-Istati Uniti.”

Ali Sadr Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti f' Marzu li għadda. Hu kien arrestat fuq l-akkużi li pparteċipa fi skema biex jevadi sanzjonijiet u li illegalment mexxa $115 miljun mħallsin minn kuntratt fil-Venzuela minn sistema finanzjarja fl-Istati Uniti. Huwa qed ikun akkużat illi prova jiffroda lill-Istati Uniti u li jikkommetti ħasil ta' flus. B'dawn l-akkużi, Hasheminejad jista' jeħel sa 125 sena ħabs.

Casa: 'Minflok ipproteġiet lis-settur, l-MFSA ħalliet lill-bankier ta' Keith Schembri jwettaq kriminalità...'

Intant l-MEP Nazzjonalista David Casa qal li issa “mhux biss għandna provi ċari li l-Bank Pilatus kien involut f’attività kriminali, b’mod partikolari b’ħasil ta’ flus għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u dawk viċin tiegħu, kif ukoll għar-reġim tal-Ażerbajġan, imma issa ġie żvelat ukoll li flus mill-kriminalità ntużaw biex jitwaqqaf il-Bank Pilatus.”  

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ġibed l-attenzjoni dwar suspetti b’saħħithom dwar minn fejn ġie l-kapital biex jitwaqqaf dan il-bank, f’ittri lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Awtorità Bankarja Ewropea, il-Moneyval u l-MFSA. Waqt laqgħa mal-MEPs fil-Kumitat TAX3, rappreżentanti tal-MFSA nfurmaw lill-MEPs li waqt il-proċess ta’ due diligence, l-Awtorità kienet qabdet kumpanija barranija indipendenti biex tagħmel rapport dwar il-Bank Pilatus. L-MFSA ma reditx tikxef l-identità u telabora aktar dwar il-kontenut ta’ dan id-dokument.   

“L-MFSA messha proteġiet is-settur finanzjarju ta’ Malta, imma minflok ħalliet il-bankier ta’ Keith Schembri biex jiftaħ bank, u jwettaq attività kriminali b’impunità. Jekk dan ir-rapport li l-MFSA qed tgħid li għamlet, jeżisti, għandha tippubblika b’mod immedjat. Jista’ jkun li ttaffi l-ħsara kbira li din il-ħaġa qed tagħmel lir-reputazzjoni tal-MFSA, u tista’ tistabbilixxi jekk dan kienx każ ta’ negliġenza jew kompliċità. Li hu żgur li hu każ ta’ waħda jew l-oħra.” 

L-MEP David Casa
L-MEP David Casa

More in Kronaka