Imut l-attivist kontra l-faqar, x-xellugi u eks-ġurnalist Charles Miceli

Miceli, jħalli din id-dinja ħabta u sabta wara snin jaħdem favur il-fqir u l-batut...

Charles Miceli
Charles Miceli

Aħbar kerha ħafna, hekk kif dan is-sit għadu kif kien informat li Charles Miceli, attivist kontra l-faqar f'pajjiżna u wieħed mill-pilastri tal-moviment xellugi, ħalla din id-dinja ftit tal-mumenti ilu. 

Charles Miceli, huwa wieħed mill-pijunieri u wieħed mill-ewwel vuċijiet dwar il-kwistjoni tal-kirjiet. Huwa waqqaf il-grupp Alleanza kontra l-Faqar, illi kienet vuċi ewlenija u fost l-aktar voċifera favur dawk kollha li qed jgħixu fil-faqar jew fid-deprivazzjoni. Huwa kien imexxi wkoll il-programm tal-Caritas għall-pruġunieri.

Miceli se jibqa' mfakkar bħala waħda mill-aktar vuċijiet sodi xellugin f'pajjiżna.

Huwa kellu 68 sena u ħalla jibku lill-uliedu u lil martu Pauline Miceli, li hija wkoll il-Kummissarju tat-Tfal. 

L-akbar tislima lil Miceli tkun jekk nibqgħu naħdmu kontra l-faqar - PL

Il-Partit Laburista sellem il-memorja ta' Miceli li ddeskrivih bħala bniedem ta’ prinċipji mill-iktar sodi u saħaq li l-ikbar tislima li tista' tingħata lil Miceli għandha tkun li tissokta "il-ħidma kontra l-faqar."

Fi stqarrija fakkar li sa ftit tal-jiem ilu, Charles Miceli kien qed jitkellem mal-Gvern fuq proposti dwar dak li għandu jsir fil-qasam tal-kera.

L-akbar interess għal Miceli dejjem kien il-fqir u l-batut - PN

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista sellem lil Miceli bħala raġel ta' prinċipji sodi u saħaq li l-akbar interess għalih dejjem kien il-fqir u l-batut qabel kull interess politiku.

Filwaqt li wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu, fakkar fil-ħidma ta' Miceli ma' dawk l-aktar vulnerabbli u fil-kwistjoni tal-prezzijiet tal-kirjiet tal-propjetà.

Intant apparti l-partiti, mijiet ta' messaġġi qed jitħallew fil-midja soċjali, li fihom Miceli qed ikun mfaħħar għax-xogħol siewi li għamel tul is-snin. 

Nhar il-Ħadd li ġej il-gazzetta ILLUM se tiddedika l-Editorjal tagħha għal Charles Miceli, imma iktar minn hekk għal dak li kien jemmen u għal dak kollu li ġġieled għalih tul ħajtu. 

More in Kronaka