Daħlu għal ġurnata xogħol imma qatt ma marru lura d-dar

It-3 ta’ Frar hi ġurnata bħall-oħrajn għall-ħafna Maltin però għal oħrajn  speċjalment dawk l-eks tarznara, hi ġurnata ta’ riflessjoni u dieqa, ġurnata illi fiha kollha jgħidu “stajt kont jien”…

Propju bħall-bieraħ 23 sena ħafna mill-Maltin kienu jinsabu f’Dar il-Mediterran igawdu it-12-il edizzjoni tal-Kompetizzjoni tal-Kanzunetta tal-Eurovision. Fid-daħla l-oħra tal-port kien hemm partita tarznari li daħlu għax-xogħol biex jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum. Ħafna minn dawn il-ħaddiema, li kien imisshom ix-xift ta’ wara nofsinhar, kienu destinati li jaħdmu fuq it-tanker tal-Um El Faroud li kien trakkat f’Baċir Numru 3.

B’xorti ħażina, ħafna minn dawn il-ħaddiema qatt ma marru lura d-dar mal-familji tagħhom. Fis-satra tal-lejl tat-3 ta’ Frar seħħet splużjoni kbira fit-tank ċentrali tal-Um El Faroud, splużjoni li ħasdet il-ħajja ta’disa’ ħaddiema. George Xuereb ta’ 57 sena minn Ħal Qormi, Simon Pisani ta’ 22 sena mill-Imsida, George Aquilina ta’ 24 sena minn Ħal Qormi, Simon Mifsud ta’ 25 sena mill-Birgu, Angelo Sciberras ta’ 51 sena minn Ħaż-Żabbar, Mario Hales ta’ 39 sena mill-Imqabba, Anthony Vassallo ta’ 29 sena minn Ħad-Dingli, Paul Seguna ta’ 37 sena minn Ħaż-Żebbuġ u Charles Callus ta’ 46 sena mill-Belt Valletta tilfu ħajjithom fuq l-Um El Faroud.

 L-isplużjoni riegħdet iż-żona tal-port u l-madwar. Ma tantx dam wisq sakemm in-nies tal-viċinanzi li l-maġġor parti kienu qegħdin isegwu t-trażmissjoni ta’ konkors, għelbithom il-kurżità u ħarġu jaraw x’kien ġara.

Ħa nagħlaq 61 sena u t-trawma għadha fuqi, it-trawma tibqa’ fik.Minn dak l-aċċident ’l hawn moħħi ma waqafx jaħseb. Tibqa’ taħseb u tistaqsi tgħid se jerġa’ jiġri hekk?

In-nies kienu xxukkjati u bla kliem għax-xena li raw b’għajnejhom; id-duħħan u n-nar kien infirex sew fil-Baċir Numru Tlieta. Kif bdiet tiġri l-kelma t-tim tekniku ta’ Xandir Malta qata’ għalkollox it-trażmissjoni minn Dar il-Mediterran u telaq b’emerġenza lejn it-Tarzna.

 Fil-frattemp kienu bdew jinġabru għadd ta’ residenti inkwetati, familjari u tarznari li ma kinux xogħol. Fi Triq is-Sur l-Isla, it-triq li tagħti dirrettament fuq it-tarzna, kif ukoll fid-daħla tat-Tarzna f’Għajn Dwieli kien hemm sens ta’ inkwiet kollettiv għalkemm ħadd ma kellu konferma ta’ x’kien ġara eżatt donnu kienet evidenti li kienet ġrat diżgrazzja fil-post fejn ħadmu tant Maltin u Għawdxin.

Il-ġranet sussegwenti kienu jiem ta’ luttu nazzjonali. Il-funeral tal-vittmi li kien wieħed statali sar fil-Knisja ta’ Kristu Re, f’Raħal Ġdid. Għexieren ta’ Maltin ħarġu fit-toroq ta’ minn fejn kienu se jgħaddu l-‘konvoj’ ta’ karozzi tal-funeral, iċapċpu b’sinjal ta’ rispett. Il-pjazza biswit il-Knisja ta’ Kristu Re ma kienx hemm fejn toqgħod labra, kienet ġurnata ta’niket u sogħba.

Hekk kif illum eżatt jaħbat it-23 anniversarju ta’ dan l-avveniment traġiku għall-ġens Malti, speċjalment għall-ħaddiem, l-ILLUM marret iż-Żejtun u ltaqgħet ma’ Joseph Abela, eks tarznar li kien qiegħed proprju fl-engine room tal-Um El Faroud meta seħħ dan kollu imma li b’xorti tajba skansa l-mewt. 23 sena wara, Abela issa qrib is-snin ta’ irtirar, joħodna lura f’sitwazzjoni fejn ftit Maltin jistgħu jgħidu li kienu u jirrakkonta eżatt x’kien ġara f’dawn is-sigħat misħutin qalb il-paniku, it-terrur u d-dulur.

"L-imgħallem tiegħi beda jwerżaq, jheżżiżni u jgħajjat ‘għadek ħaj, għadek ħaj"

Joseph Abela jew aħjar kif kienu jsibuh it-Tarnza, Ta’ Mattew jibda jirrakkonta mal-ILLUM l-avvenimenti tat-3 ta’ Frar 1995. “Niftakar dakinhar kien il-Ġimgħa, u l-imgħallem tagħna kien qalilna li llum se naħdmu pari. Hu kien tana struzzjonijiet sabiex immorru ngħabbu l-pompi fuq it-tanker li kien qiegħed fil-baċir numru tlieta. Niftakarni niżel fl-‘engine room’ u bdejt naqla’ ċ-ċima u waqt li dendilt iċ-‘chain block’ u bdejt immajna, smajt l-isplużjoni u ħsibtu kien għamel terremot fit-Tarzna”, temm jgħid Abela.

Hu jkompli jirrakkonta kif wara li seħħet l-isplużjoni lanqas kien jaf x’laqtu, “Wara li smajt dak il-ħoss, niftakar smajt żewġ theżżiżiet kbar u għal mument intlift.” Kaġun tal-isplużjoni, Abela waqa' għal isfel iżda b’xorti tajba baqa’ mdendel. “Niftakar bdew jgħajtu, itla’ minn hemm għax il-vapur qed jaqbad u bdejt ngħid dawn x’qegħdin jgħidu?”

L-eks tarznar jiddiskrivilna x-xena li ra hekk kif hu tela’ minn ġol-kamra tal-magna. “Wara li kien irnexxili nitla’ fuq id-deck, għidt dan il-vapur jew film? Hekk kont ħsibtu. Niftakarni nara d-deck imxammra bħalma ġabitha l-għada l-gazzetta, ma stajtx nemmen li t-tanker kien spiċċa hekk.”

Kien hemm ħafna nies li telqu mit-Tarzna ma ridux joqogħdu hemm iżjed wara l-isplużjoni tal-Um El Faroud. Aħna qas konna nimmaġinaw kemm konna nkunu f’periklu u ma nafux

Abela jkompli jirrakkonta, “imbagħad telaq id-dawl u waqajna fuq il-provvista ta’ dawl t’emerġenza. Xi ħaddiema tefgħu s-sellum biex ninżlu, għaliex minn fejn suppost konna ninżlu taret bl-isplużjoni u ma kienx hemm post minn fejn ninżlu.” F’dan il-mument ta’paniku Abela jispjega lill-ILLUM il-ħsibijiet li kienu għaddejjin mil-kurituri ta’ moħħu f’dak il-waqt. “Jien bżajt ninżel għall-bidu, għax tant kemm kien hemm paniku li n-nies bdew jinżlu fuq xulxin. Għidt jekk jinqata’ s-sellum xorta kont se mmut b’dak l-għoli ta’ baċir.”

B’xorti tajba, Abela kien irnexxielu jinżel mit-tanker li kien qed jaqbad. “Meta nżilt il-baċir, kulma niftakarni li għamilt mort tlajt it-taraġ b’ħeffa u bdejt niġri għal Għajn Dwieli Gate għax bżajt li l-vapur se jerġa’ jisplodi.”

Fl-istess sena ta’ meta ġara dan kollu, jiġifieri l-1995, Abela flimkien mal-mara tiegħu kienu qegħdin jistennew il-wild tat-tarbija tagħhom, hu jgħidilna li waħda mill-miri tiegħu kienet li jinforma lill-mara qabel ma din tibda tinkwieta. “Dak iż-żmien ma kellniex mowbajls, niftakar ilmaħt wieħed tal-midja kellu mobile mill-kbar u għamilt wiċċi biex nċempel lill-mara, kont wissejtha li kien qabad ‘naqra nar fuq vapur’ u għidtilha biex ma tinkwetax.”

Wara li informa lill-mara, Abela beda miexi lura għall-Baċir Numru 3, “f’dak il-ħin kienu laħqu ġew l-ambulanzi, il-pompa tan-nar u l-għajnuna kollha. Niftakar meta rani l-imgħallem tiegħi, beda jwerżaq, jheżżiżni u jgħajjat “għadek ħaj, għadek ħaj” u jaqbadni mill-boiler suit u jkompli jheżżiżni. Ħabat li xħin l-imgħallem ta’ Abela u sieħbu kienu fit-triq ġejjin ħdejh sploda l-Um El Faroud għalhekk bir-raġun, l-imgħallem kien kuntent li rah qawwi u sħiħ.

Ftit tal-ħin wara l-awtoritajiet għamlu r-rassenja biex jaraw minn kien fadal ħaj. “Niftakar kien hemm l-imgħallem tal-fitters George u kien hemm wieħed għadu żgħir Simon ma tantx kien ilu jaħdem fitter. Veru kont tħassartu kien għadu tfal. Imbikkem kont jien, veru tbikkimt, kollha tkun tafhom sew, aħna tat-Tarzna qisna aħwa konna.”

Abela jkompli jispjega lill-ILLUM is-sentiment reali ta’ madwar it-Tarzna dakinhar, “niftakar ġie sieħbi, qalli Pawlu jridek, kienu sabuh jitkaxkar sa ħdejn iċ-chain locker. Ara sa fejn waddbitu l-isplużjoni kważi tefgħatu sal-pruwa. Kemm bkejt dakinhar veru bkejt.”

Għalkemm kien għadda minn din it-traġedja tal-waħx, Abela xorta waħda ma kienx qata’ qalbu li jibqa’ jaħdem ġewwa Tarzna. Hu jirrakkonta kif “wara dan kollu għamilt ftit żmien barra, għall-ewwel anqas stajt norqod. Imbagħad niftakar kien kellimni tal-Union u staqsieni x’se nagħmel. Kont iddeċidejt li nerġa’ nipprova u ma ridtx naqta’ qalbi.”

Abela jkompli jispjega l-effetti li traġedja bħal dik tħalli fuqek “Ħa nagħlaq 61 sena u t-trawma għadha fuqi, it-trawma tibqa’ fik. Minn dak l-aċċident lil hawn moħħi ma waqafx jaħseb. Tibqa’ taħseb u tistaqsi. Tgħid se jerġa’ jiġri hekk?”

Din it-traġedja għal ħafna kienet twissija sabiex ibiddlu l-karriera tax-xogħol qalilna Abela “kien hemm ħafna nies li telqu mit-Tarzna ma ridux joqogħdu hemm iżjed wara l-isplużjoni tal-Um El Faroud. Aħna anqas konna nimmaġinaw kemm konna nkunu f’periklu u ma nafux. Mela jien qatt immaġinajt li vapur se jiġrilu hekk, li vapur itir id-deck ħxuna ta’ pjanċi bħal dawk. Jien stajt kont wieħed minnhom u kif u x’fatta ġrat ma nafx. Emminni, sal-ġurnata tal-lum għadni ma nafx x’ġara.”

Fi tmiem l-intervista staqsejt lil Joseph Abela x’sentimenti jħoss meta kull sena jasal l-anniversarju tal-Um El Faroud u kien pront biex jgħidli, “Kull sena ngħid l-istess ħaġa, twilidt mill-ġdid, ħa nagħlaq 23 sena ħaj.”

Nota Editorjali: F’għeluq it-23 sena mit-traġedja tal-Um El Faroud, il-gazzetta ILLUM tixtieq issellem lill-vittmi tat-traġedja, lill-familji u lill-qraba kollha tagħhom. Għalkemm iż-żmien itaffi, il-ferita ma tfieq qatt.

 

 

More in Kronaka