Filmat | 270 rapport ta’ serq mill-ATMs… arrestati Bulgari u Rumeni

Intervista esklussiva mal-Ispettur Matthew Vella mit-taqsima tal-Economic Crimes dwar is-serq reċenti tad-dettalji bankarji mill-ATMs

L-Ispettur Matthew Vella mill-iskwadra tal-Economic Crimes tal-Korp tal-Pulizija
L-Ispettur Matthew Vella mill-iskwadra tal-Economic Crimes tal-Korp tal-Pulizija

Wara l-istejjer li ġew ippubblikati fil-gazzetta ILLUM matul dawn l-aħħar ġimgħat dwar serq li sar mill-ATMs, qam interess ġenerali fost il-qarrejja dwar dan iċ-ċirku ta’ kriminalità organizzata, li permezz ta’ tagħmir apposta qed jirnexxilhom jisirqu d-dettalji minn ‘cards’ tal-bank.

 

Dan b’detriment tal-vittma, li ma tkunx taf li nsterqulha dawn id-dettalji u li maż-żmien tibda tara flus li jittieħdu mill-kont tal-bank, bi tranżazzjonijiet li jkunu saru ġieli minn pajjiż ieħor ’il bogħod ħafna, saħansitra ’l barra mill-Ewropa.

Hekk kif bdejna din l-intervista, l-Ispettur uriena u spjegalna aktar fid-dettall it-tagħmir differenti, li l-kriminali jinstallaw mal-ATMs, u li jużaw biex l-ewwel jisirqu d-dettalji tal-‘cards’ tal-bank, wara joħolqu kopji tagħhom bl-użu ta’ ‘card readers’ u ‘software’ apposta tal-kompjuter u mbagħad jużaw dawn il-‘cloned cards’ biex jiġbdu l-flus jew iwettqu tranżazzjonijiet onlajn bid-dettalji li jkunu akkwistaw bi frodi.

Rajna ‘cards’ bojod li ġew ikkonfiskati mill-Pulizija li b’marker iswed f’kantuniera għandhom miktub bl-idejn in-numru tal-PIN tal-‘card’ oriġinali.

Uħud mit-tagħmir użat mill-kriminali li ġie kkonfiskat mill-Pulizija
Uħud mit-tagħmir użat mill-kriminali li ġie kkonfiskat mill-Pulizija

Fost dan it-tagħmir kriminali, replika perfetta tal-apertura minn fejn tiddaħħal il-‘card’ tal-bank fl-ATM, kameras żgħar ħafna li ma jidhrux u li diffiċilment il-vittma se tinduna bihom u saħansitra ‘stickers’ li jkunu perfetti bil-kulur b’kollox għal dawk li l-banek jużaw mal-ATMs tagħhom, ġieli għal skopijiet ta’ struzzjoni jew ta’ reklamar.

Uħud minnhom isiru permezz ta’ 3D printers.

Biċċiet mill-mowbajls bħall-batterija u s-SIM użati biex il-kriminali jiġbru l-informazzjoni
Biċċiet mill-mowbajls bħall-batterija u s-SIM użati biex il-kriminali jiġbru l-informazzjoni

Jintużaw mowbajls antiki li jiżżarmaw f’biċċiet u mpoġġija fl-‘iskimmer’

Ġeneralment is-sistema kollha tal-‘iskimmers’ titħaddem permezz tal-mowbajls, li fil-maġġorparti tad-drabi jkunu mudelli antiki, li jkunu jaħdmu bil-GSM u mhux ‘smartphones’ moderni.

L-Ispettur Matthew Vella qalilna li mowbajl jaf jiġi żarmat totalment mill-komponenti kollha tiegħu, u li kull parti tintuża għal xi skop jew ieħor fejn pereżempju l-batterija tintuża biex tinżamm mixgħula l-kamera, li din ukoll tkun iżżarmat mill-mowbajl innifsu.

Sistema sħiħa organizzata ferm, fejn il-Pulizija stess li jinvestigaw din il-kriminalità waslu għall-konklużjoni li l-persuni involuti huma parti minn ċrieki akbar u wiesgħa ta’ kriminalità, li mhix preżenti biss fl-Ewropa imma wkoll f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.

L-Ispettur Matthew Vella żvela mal-ILLUM kif matul is-sena li għaddiet il-Pulizija rċevew total ta’ 270 rapport mingħand individwi li ndunaw jew saru jafu permezz tar-rendikont bankarju tagħhom li kienu spiċċaw vittmi tal-‘iskimming’ u li raw flushom jinġibdu mill-kontijiet bankarji tagħhom mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom. Mistoqsi kemm hija kbira din il-kriminalità, l-Ispettur Vella saħaq li “jekk naraw kemm qed nirċievu rapporti mela huma konsiderevoli.”

Staqsejna jekk il-kriminali wara dan is-serq mill-ATMs humiex barranin u jekk hemmx Maltin li huma involuti, bl-Ispettur jiddeskrivi li “mill-esperjenza u min-nies li tressqu quddiem il-Qorti, il-kriminali dejjem kienu Bulgari jew Rumeni, s’issa qatt ma sibna li kien hemm Maltin.”

Saħaq iżda li “għalkemm ikunu tressqu n-nies il-Qorti, mhux neċessarjament tkun ingħalqet l-investigazzjoni iżda jkun għad hekk il-‘followups’, imma s’issa qatt ma kien hemm konnessjonijiet ma’ nies Maltin, iżda neskludu ma nistgħux.”

Ritratti | James Bianchi
Ritratti | James Bianchi

Il-Pulizija tikkunsidra dawn ir-reati bħala parti minn ċirku kriminali organizzat

Hekk kif mill-arresti li saru mill-Pulizija rriżulta li s’issa l-kriminali kienu Bulgari u Rumeni u li din hija attività kriminali fi ċrieki akbar u organizzati ferm, dan ma jeskludi xejn li warajhom jista’ jkun hemm il-Mafja tal-Lvant tal-Ewropa. F’midja internazzjonali jiġi rrappurtat li l-proċess tal-ikkuppjar tal-‘cards’ isir f’fabbriki assoċjati mal-Mafja.

minn investigazzjoni reċenti, irriżulta li min kien qed jiġbed il-flus, ma kienx l-istess persuna li installa l-‘iskimmer’. Tnejn min-nies differenti li qed iwasslu ghall-istess reat. Spettur Matthew Vella

Mistoqsi dwar dan u l-possibilità tal-involviment tal-Mafja, l-Ispettur Matthew Vella spjega li “ma tista’ qatt tagħmel jew ma tagħmilx din il-konnessjoni diretta mal-Mafja jew le. Bħala Pulizija qed nikkunsidraw dan it-tip ta’ reat bħala kriminalità organizzata u anka filfatt iċ-‘charges’ li jinħarġu mill-Qorti huma relatati ma’ kriminalità organizzata u assoċjazzjoni ma’ dik li hija kriminalità, diffiċli li wieħed jasal b’ċertezza mal-Mafja.”

Huwa diffiċli wkoll li wieħed jgħid fejn ikunu qed imorru l-flus li jinsterqu bi frodi bl-‘iskimming’ jew x’jagħmlu l-kriminali bihom, iżda l-Pulizija temmen li f’dan iċ-ċirku ta’ kriminalità hemm ġerarkija, fejn wieħed jiġbed il-flus u jgħaddihom lil ta’ fuqu. L-Ispettur Vella ddeskriva dak li rriżulta mill-ħidma tal-Pulizija u kif “minn investigazzjoni reċenti, irriżulta li min kien qed jiġbed il-flus, ma kienx l-istess persuna li installa l-‘iskimmer’.

Tnejn min-nies differenti li qed iwasslu ghall-istess reat.” Spjegalna li “huwa diffiċli iżda li tgħid il-flus fl-aħħar mill-aħħar fejn qed imorru jew x’qed jiffinanzjaw.” Hawnhekk spjega li meta persuna tinqabad fil-fatt ikun ifisser li l-Pulizija tkun wettqet ‘background work’ fejn f’koperazzjoni mal-banek, isir monitoraġġ tal-ATMs u kif isiru tranżazzjonijiet li l-bank jikkunsidra li huma suspettużi, il-Pulizija tieħu azzjoni immedjata kemm mit-taqsima tal-Economic Crimes iżda ġieli wkoll mill-RIU.

Tlieta mis-sitta li ġew arrestati s-sena li għaddiet, inqabdu fil-fatt bil-flus fuqhom, li kienu ġibdu mill-ATMs bl-użu ta’ ‘cloned cards’.

Bosta mit-tagħmir użat jkunu replika li jsiru bi 3D printers
Bosta mit-tagħmir użat jkunu replika li jsiru bi 3D printers

Il-qsim tal-informazzjoni mal-EUROPOL hija vitali biex il-Pulizija tieħu azzjoni malajr

Peress li s-serq tad-dettalji tal-‘cards’ tal-bank mill-ATMs hija attività kriminali mifruxa mal-Ewropa, il-Pulizija f’Malta taħdem id f’id mal-EUROPOL. Il-Pulizija titlob għall-informazzjoni mill-EUROPOL kif ukoll jgħaddu informazzjoni li tkun inġabret waqt investigazzjonijiet f’pajjiżna.

Dwar din il-koperazzjoni, l-Ispettur Vella qal li “mill-informazzjoni li aħna niġbru jinħolqu ċertu ‘patterns’, fejn ikollna saħansitra ritratti. Il-EUROPOL ngħaddulhom ir-ritratti u l-informazzjoni ta’ suspettati li nkunu qed naħdmu fuqhom. Min-naħa tagħhom huma jagħmlu diversi ‘checks’ tar-ritratti u tal-persuni, jekk humiex magħrufa f’pajjiżi oħra.”

Dan il-qsim tal-informazzjoni huwa kruċjali biex il-Pulizija tkun tista’ tieħu azzjoni malajr. Din l-attività kriminali iżda tmur lil hinn mill-Ewropa u dan ikkonfermah ukoll l-Ispettur Vella meta qalilna li “in-nies li jirrappurtaw, jistqarru li l-flus li huma jsibu neqsin jkunu nsterqu minn pajjiżi fl-Asja, bħalma huma l-Filippini, it-Tajwan jew it-Tajlandja postijiet li jmorru lil hinn mill-Ewropa.”

Matul l-investigazzjonijiet, il-Pulizija tosserva dawk hekk imsejħa manuvri suspettużi min-naħa ta’ persuni li jkunu suspettati li qed jisirqu mill-ATMs. Mistoqsi jiddeskrivi xi jkunu dawn il-manuvri suspettużi, l-Ispettur Matthew Vella tana l-eżempju “f’temp sħun u bnazzi wieħed ikun liebes xalla jew bil-‘hoodie’ u nuċċali tax-xemx biex jgħatti wiċċu. Il-kriminali ħafna drabi jagħmlu minn kollox biex jaħbu l-identità tagħhom. Jiġifieri hemm ċertu ċirkostanzi li ma tkunx tagħmel sens li persuna tkun qed tagħmel użu minn ATM b’dawk il-ħwejjeġ.”

Spjegalna wkoll li ħafna drabi, is-suspettati jkollhom ‘backpack’, li għalkemm dan ma jfissirx li kull min jagħmel użu minn ATM bil-‘backpack’ fuq dahru jkun qed jagħmel xi ħaġa ħażina, il-kriminali jużaw ‘backpack’ għal diversi raġunijiet speċjalment sabiex iġorru t-tagħmir li jinstallaw jew li jwaħħlu mal-ATM innifisha.

Il-kriminali jużaw mowbajls antiki u mhux 'smartphones'
Il-kriminali jużaw mowbajls antiki u mhux 'smartphones'

Il-kriminali jisirqu l-identità ta’ persuni oħra biex tidher li l-vittma wettqet ir-reat

Hawnhekk ħadna d-diskussjoni tagħna lejn angolu differenti tal-istess suġġett, jekk il-Pulizija ssibhiex aktar diffiċli li tintraċċa tranżazzjonijiet illegali li jkunu saru onlajn.

L-Ispettur Matthew Vella spjegalna kif fl-onlajn “dejjem ikun hemm dik it-traċċa li tgħin lill-Pulizija biex tasal għal dik il-persuna li tkun għamlitha.” Qalilna iżda li dan “ma jfissirx li għax saret onlajn, mela allura b’mod awtomatiku l-Pulizija se tkun taf min għamilha, għaliex ħafna drabi minn jagħmel dan it-tip ta’ reat jinħeba wara l-identità ta’ ħaddieħor u għalhekk apparti r-reat tat-tranżazzjonijiet illegali onlajn ikun hemm ukoll ir-reat tal-identità misruqa ta’ ħaddieħor.”

ġieli jidħlu rapporti ta’ persuna li tkun qed tagħmel użu minn ATM ta’ ċertu post, li mhux 100% ċert minnha u dak il-ħin jintbagħtu l-Pulizija tad-distrett biex jivverifikaw. Spettur Matthew Vella

Ikun hemm allura l-każijiet li meta l-Pulizija jsibu isem wara s-serq tal-flus bi tranżazzjonijiet onlajn jista’ jkun hemm ukoll il-lok li dik il-persuna tkun diġà rrappurtat mal-awtoritajiet li xi ħadd kien serqilha l-identità u għalhekk ma tkunx hi li fil-fatt tkun wettqet ir-reat. L-Ispettur qalilna li l-internet u d-dinja diġitali joħolqu ċertu sfidi, bil-kriminali jħossu aktar komdi li jagħmlu reati onlajn għax hemm l-aspett tal-anonimità.

Saħaq li “fl-aħħar mill-aħħar xorta hemm mezzi kif b’xi mod aħna naslu għal min seta’ għamel dak ir-reat.”

L-Ispettur Matthew Vella għaddielna wkoll numru ta’ suġġerimenti biex persuna tgħin fil-prevenzjoni tar-reati bis-serq mill-ATMs bl-‘iskimmers’ u spjega wkoll li “ġieli jidħlu rapporti ta’ persuna li tkun qed tagħmel użu minn ATM ta’ ċertu post, li mhux 100% ċert minnha u dak il-ħin jintbagħtu l-Pulizija tad-distrett biex jivverifikaw.”

Idealment persuna għandha tkun familjari mal-ATM li tuża u tara bejn wieħed u ieħor jekk ikunx hemm apparat li ma jkunx jidher tas-soltu mwaħħal magħha. Importanti wkoll li meta persuna tkun qed iddaħħal in-numru tal-PIN tal-‘card’ tal-bank, tgħatti bl-id l-oħra bħala prekawzjoni fl-eventwalità li xi kriminal ikun waħħal kamera mal-ATM.

L-istess persuna għandha tirrapporta lill-bank u l-Pulizija sabiex jibdew immedjatament jistħarrġu u titwaqqaf u tinbidel il-‘card’ li tagħha jkunu nsterqu d-dettalji. Huwa importanti wkoll li wieħed josserva xi jkun qed jiġri meta jkun fil-kju u jara jekk persuna hix qed twaħħal apparat mal-ATM.

More in Kronaka