Qtil DCG | Degiorgio ‘l-Fulu’ f’kullana ta’ serqiet

  • Fl-2012 kien instab ħati illi seraq LM 18,000 minn handbag ta’ mara fis-Swieqi
  • Wara s-serqa mar il-Casino, xtara ħwejjeġ tad-ditta u tefa’ depożitu fuq karozza
  • Kien akkużat b’serq ta’ tliet karozzi...imma ma jinstabux biżżejjed provi

L-akkużati fil-proċess li jittellgħu l-Qorti | Ritratt James Bianchi
L-akkużati fil-proċess li jittellgħu l-Qorti | Ritratt James Bianchi

Alfred Degiorgio, li din il-ġimgħa mistenni jibda jinstema’ l-każ fil-konfront tiegħu u ta’ tnejn oħrajn bl-akkuża li flimkien magħhom kien wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, g]andu passat li xi ftit jew wisq jorbtu ma’ numru ta’ serqiet, mhux biss dik relatata ma’ serqa mill-fergħa tal-HSBC f’Santa Venera.

Fil-fatt jirriżulta li l-‘Fulu’ għandu marbutin ma’ ismu numru ta’ serqiet, fosthom waħda lura għall-5 ta’ Mejju 2003.

Dakinhar Degiorgio għall-ħabta tal-4:00 p.m. fis-Swieqi kien seraq handbag b’diversi affarijiet fih, fosthom LM18,000 fi flus kontanti.

Jirriżulta, mix-xhieda li kienet ngħatat  fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Jaqueline Padovani (Grima), illi l-mara ta’ 64 sena kellha flus li kienu minn rifużjoni tat-taxxa, liema flus kienu ġejjin mill-Bank Ċentrali fi blokka ta’ 10 pakketti ta’ 100 karta tal-LM20 u żewġ pakketti oħrajn.

Fix-xhieda kien irriżulta li fil-jiem sussegwenti Degiorgio, li anke dak iż-żmien kien bla impjieg u kien jgħix fuq il-benefiċċji soċjali għalkemm kellu impjieg bħala membru tas-sigurtà f’bar f’Paceville, kien beda jonfoq flus bl-addoċċ (Il-Qorti kienet użat il-kliem ‘shopping spree’). Fosthom, infieq minn Casino f’Buġibba, ħanut tal-ħwejjeġ fil-Belt Valletta u minn stabbiliment tal-bejgħ tal-karozzi.

Minkejja dan, l-Qorti dakinhar kien sabitu ħati biss tas-serq u mhux li fil-fatt kien uża dawn il-flus misruqin biex jixtri t-tali oġġetti., anke jekk ix-xhieda kienet pjuttost komprensiva u kienet tinkludi nfieq ta’ LM 300  fil-Casino, Lm 120 fi ħwejjeġ u depożitu ta’ 17-il karta tal-Lm20.

Irriżulta, mix-xhieda wkoll li l-handbag tal-mara li kien misruq inħaraq, kif fil-fatt kien xehed l-Ispettur Geoffrey Azzopardi. Minn filmat li ttieħed tliet ijiem wara s-serqa fis-Swieqi jirriżulta li Degiorgio kien qiegħed jilgħab fuq il-mejda tar-roulette u li kien l-uniku parteċipant li beda jitfa’ karti tal-Lm 20 fuq il-mejda tal-logħob.

Dakinhar il-Maġistrat Padovani kellha kliem iebes għal Degiorgio; “stramb kif persuna diżokkupata u benefiċċjarja t’ għajnuna socjali, tkun f’qagħda illi tmur il-Casino u taħraq ċentinajja ta’ liri Maltija; tkun f’qagħda li tmur fuq shopping spree u saħansitra tixtri lbies iffirmat ta’ Versace, flimkien ma’ diversi oġġetti ta’ ilbies oħra għaliha, għall-partner u għat-tfal; u tkun f’qadgha li tkun rjal tant illi tħallas kont ta’  LM 549 għal-terza persuna.”

Tliet xhur ilu jinħeles minn seba’ akkużi, fosthom ta’ serq ta’ karozzi

Imma din ma’ kinitx l-unika darba li isem Alfred Degiorgio spiċċa ħdejn akkużi ta’ serq fil-qorti, dan hekk kif tliet xhur ilu biss inqata’ każ illi fih kien qed jiffaċċja seba’ akkużi.

Fil-fatt il-‘Fulu’ kien akkużat b’serq ta’ karozza tat-tip Ford Escort minn Triq it-Turisti fil-Qawra bejn it-2 u 3 ta’ Awwissu 2000, serq ta’ vann Toyota minn San Pawl il-Baħar fl-istess lejl u serqa ta’ karozza tat-tip Hyundai bejn is-6 u 7 ta’ Settembru 2000.  Il-Qorti, mmexxija mill-Maġistrat Anthony Micallef Trigona ma kinitix sabitu ħati minħabba li ‘ma nġiebu ebda provi li jorbtu lill-imputat ma’ serq u ħsara ta u fuq karozzi’. 

Minn studju li kien sar mill-Espert Philip Gilhooley kienu nstabu marki tas-swaba’ tiegħu ma’ kaxxa partikolari bi spaga ħamra illi fiha kien hemm il-flus, taħt sodda f’dar f’Birżebbuġa.

Il-Fulu, flimkien ma’ ħuh George iktar kmieni din il-ġimgħa kienu arrestati u akkużati bl-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia u ta konfoffa kriminali, fost oħrajn.

Iktar kmieni din il-ġimgħa l-midja Taljana żvelat ukoll kif kien George, magħruf bħala ċ-Ċiniż li bagħat l-sms fatali u li sploda l-bomba mwaħħla fil-karozza ta’ Caruana Galizia. 

More in Kronaka