Aġġornata | Raġel jinqatel u ieħor jindarab fi sparatura f'Ħ'Attard

  • Ir-raġel li nqatel huwa minn Ħal Qormi u kellu 58 sena
  • L-aggressuri ħarbu minn fuq il-post b'mutur lejn ir-Rabat

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Raġel inqatel u ieħor indarab waqt sparatura li seħħet f’Ħ’Attard.

L-isparatura seħħ għall-ħabta tas-6.15 ta’ filgħaxija fi Triq l-Mdina f’Ħ’Attard meta persuni mhux magħrufa li kienu rekbin fuq mutur sparaw tiri fid-direzzjoni ta’ garaxx li fih isir tappezzerija fil-karozzi.

Huwa mifhum li ġew sparati minn tal-inqas seba’ tiri lejn il-garaxx.

Ir-raġel li nqatel huwa Angelo Mangion minn Ħal Qormi u kellu 58 sena, filwaqt li r-raġel li ndarab huwa Raymond Grima li huwa wkoll is-sid tan-negozju.

Huwa ttieħed l-isptar Mater Dei fejn ingħata l-kura medika. Jirriżulta li l-Pulizija rnexxilha tkellem lil Grima qabel ittieħed l-isptar. Wara li seħħet l-isparatura, l-aggressuri ħarbu lejn id-direzzjoni tar-Rabat.

Il-Pulizija qed iżżomm erba' persuni b'rabta mal-każ. 

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat Aaron Bugeja li qed imexxi inkjesta.

It-triq għamlet xi ħin magħluqa għat-traffiku. 

 

More in Kronaka