Erba' għasafar protetti jittieħdu għall-kura

Dan wara l-każijiet bil-fjamingi

Birdlife ħadu żewġ irsieset u żewġ bagħdan għall-kura wara li nstabu milquta minn tiri. Dan wara każijiet fuq żewġ fjamingi f’Ħal Far u ieħor f’Wied il-Għajn, li qed jinżamm għall-osservazzjoni.

Membri tal-Birdlife qalu li kien hemm bosta każijiet ta’ għasafar protetti li ntlaqtu matul dan l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa u qed jappellaw lill-Gvern biex jieħu azzjoni u t-twaqqif ta’ taqsima apposta fi ħdan il-Pulizija biex jissaħħaħ il-monitoraġġ u l-infurzar tal-liġi.

L-FKNK min-naħa tagħha qed tgħid li m’hawnx post fis-soċjetá għal min jibqa’ jippersisti li jikser il-liġi. Il-Federazzjoni qalet li dawn il-każijiet qed jipperikolaw l-isforzi li qed tagħmel biex tissalvagwardja l-kaċċa.

Għalhekk ressqet talba biex meta l-Pulizija jaslulha rapporti, membri tal-Federazzjoni jissejħu fuq il-post u jassistu fl-investigazzjoni.

More in Kronaka