Birżebbuġa taħt xokk dalgħodu

Ir-raħal iqum jitkellem u juri sogħba għat-traġedja kerha li ħasdet lill-familja Celeste

Fuq fomm ir-residenti ta' Birżebbuġa dalgħodu, kien hemm l-istess suġġett, l-istess espressjoni ta' xokk u għafsa ta' qalb, hekk kif kulħadd ma setax ma jitkellimx fuq il-mewt traġika ta' Rhys Celeste, il-ġuvni ta' 24 sena minn Birżebbuġa li ftit jew wisq kullħadd kien jaf.

Il-ġenituri ta' Rhys ilhom snin b'ħanut popolari f'Birżebbuġa li kullħadd jinqeda minnhu, u apparti l-ħbieb u dawk li trabbew ma' Rhys, huma ħafna, kważi r-residenti ta' Birżebbuga kollha, li jafuh fil-ħanut tal-familja sa minn meta kellhu età żgħira u għaldaqstant jinsabu taħt xokk għall-aħbar kerha tat-telfa ta' Rhys.

Minbarra r-residenti ta' Birżebbuġa li kienu jafu l-Rhys tul ħajtu kollha, dalgħodu s-siti tal-media soċjali kienu miżgħuda b'messaġġi ta' kondoljanza anke minn dawk li kienu jafu lil Rhys bħala 'Microlith', fix-xena tal-mużikali elettronika, u jekk forsi ma kellhomx il-pjaċir jafuh personalment, illum kienu taħt xokk ukoll għat-telfa ta' talent żagħżugħ tant promettenti.

Celeste tilef ħajtu lbieraħ wara nofsinhar f'inċident traġiku fil-Mosta, hekk kif kien qiegħed isuq il-'quadbike' tiegħu flimkien ma' grupp ta' sitt sewwieqa oħra u għal xi raġuni tilef il-kontroll u ħabat ma' karozza tal-linja. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Qlub tar-residenti ta' Birżebbuġa, u ta' dawk li kienu jsegwu l-Rhys bħala 'Microlith', illum kollha qegħdin mal-ġenituri ta' Rhys, ma' ħuħ iż-żgħir u l-bqja tal-familja Celeste kollha, f'dan il-mument diffiċli.

More in Kronaka