Ċaħdulu l-applikazzjoni darbtejn, tkeċċa minn Identity Malta u akkużat b’serq ta’ fondi

Ir-referenzi li kellu Khaled Ibrahim Ben Nasan għal permess ta’ residenza kienu mingħand Joe Sammut, li jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu dwar permessi ta’ residenza u viżas.

Khaled Ibrahim Ben Nasan, is-Sirjan b’passaport Libjan li qed jakkuża lil Neville Gafa’ li rċieva flus b’mod illeċtu mill-għoti ta’ viżas mediċi, kellu l-applikazzjoni tiegħu ta’ residenza miċħuda għal darba darbtejn, kemm mis-Servizzi tas-Sigurtà kif ukoll mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni.

Fil-fatt, l-ILLUM tista’ tiżvela kif fl-aħħar tal-2015 Khaled Ibrahim Ben Nasan, ġie rifjutat is-Single Permit u eventwalment f’Jannar tal-2016 ġie rifjutat permess ta’ residenza. Fiż-żewġ każijiet Ben Nasan, magħruf ukoll bħala ‘ta’ għajn waħda’ ġie rifjutat minħabba ‘informazzjoni mhux affidabbli’ mal-applikazzjoni tiegħu għar-residenza, wara li m’għaddiex minn ‘security checks’, li saru mill-Pulizija u mis-Servizzi Sigrieti.

Ir-referenzi li kellu Khaled Ibrahim Ben Nasan għal permess ta’ residenza kienu mingħand Joe Sammut, li jinsab fiċ-ċentru ta’ skandlu dwar permessi ta’ residenza u viżas.

Apparti minn dan, l-istess Ben Nasan, kien imkeċċi milli jidħol fl-uffiċini ta’ Identity Malta minħabba li l-preżenza kontinwa tiegħu bdiet toħloq suspetti, tant li Identity Malta għaddiet ismu lill-Pulizija f’nofs is-sena li għaddiet biex tirraporta l-preżenza kontinwa tiegħu ma’ nies differenti fil-post.

Mill-informazzjoni li għandha l-ILLUM jirriżulta li apparti permessi ta’ residenza li qatt ma ngħataw u r-rapporti minn Identity Malta, Khaled Ibrahim Ben Nasan kien jaħdem kemm mal-Gvernijiet ta’ Tobruk kif ukoll ma’ dak ta’ Tripli, sakemm twaqqfu l-kuntatti kollha li kellhom miegħu wara li Ben Nasan affaċċja allegazzjonijiet mill-aktar serji ta’ serq ta’ fondi.

Persuni li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif apparti li twaqqfulu l-kuntratti, huwa mifhum li Khaled qed ikun imfittex fil-Libja u qiegħed taħt l-għajn suspettuża tas-servizzi sigrieti Libjani.

Anke jekk iż-żewġ Gvernijiet qatgħu l-kuntatti minn miegħu, huwa xorta jippreżenta business card li fuqha hemm miktub li jirrapreżenta lill-Ministeru tal-Intern Libjan bħala ‘Special Deterrent Force’, anke jekk fil-fatt la din il-gazzetta u lanqas is-sorsi li kellmuna ma jafu jekk din il-kariga hux minnha jew ivvintata.

 

More in Kronaka