Daqshekk żwiemel f’ħinijiet ta’ traffiku

F’każ li ż-żiemel ikun f’kundizzjoni ta’ saħħa dgħajfa, il-liċenzja tal-kuċċier tista’ tiġi sospiża jew revokata.

Is-sewqan ta’ kull tip ta’ żiemel, inkluż karozzini, se jsir illegali bejn is-sebgħa u d-disgħa ta’ filgħodu u l-erbgħa u s-sitta ta’ waranofsinhar li huma meqjusa bħala l-aktar ħinijiet traffikużi fil-gżejjer Maltin.

L-ILLUM jista’ jiżvela dan hekk kif f’idejh għandu l-abbozz ta’ avviż legali dwar l-użu tal-animali u vetturi misjuqa mill-annimali fit-toroq, li apparti li jirregola l-ħinijiet, jistabbilixxi l-prezz massimu li kuċċier jista’ jitlob mingħand klijent. Fil-fatt, l-istess abbozz jgħid li tal-karrozzini ma jistgħux iżommu aktar minn €35 għall-ewwel nofs siegħa tal-vjaġġ, u sa massimu ta’ ewro għal kull minuta wara li tgħaddi l-ewwel nofs siegħa. Kwalunkwe kuċċier li jikser din ir-regola jista’ jeħel multa sa massimu ta’ €250.

Minkejja li se jsir illegali li jinstaqu l-bhejjem f’dawk il-ħinijiet ikkunsidrati l-aktar traffikużi, dan jgħodd biss għal numru ta’ toroq arterjali fil-gżejjer Maltin fosthom Triq il-Kosta, il-Bypass ta’ Birkirkara, Triq in-Naxxar, Triq Aldo Moro, Vjal Sir Paul Boffa, u Triq l-Imġarr f’Għawdex.

Minkejja li vetturi oħrajn tal-annimali ilhom jinstaqu fit-toroq Maltin għal bosta snin, bħalissa m’hemm l-ebda liġi li tirregola s-sewqan tagħhom. Sorsi qrib din il-gazzetta spjegaw li minħabba dan in-nuqqas, flimkien man-numru ta’ ilmenti kontra s-sewqan ta’ annimali matul il-ħinijiet tat-traffiku, il-Gvern kien kommess li jimplimenta regolamenti mill-aktar fis.

Dan sostnih ukoll il-Kummissarju tal-Annimali Emanuel Buhagiar, li f’kummenti mal-ILLUM spjega kif dan in-nuqqas kien ilu jinħass għal dawn l-aħħar sentejn u li għaldaqstant il-Gvern ma setax ikompli jagħlaq il-bieb.

Dan l-avviż legali, li kien mwiegħed mill-Gvern fl-isfond ta’ numru ta’ lmenti u inċidenti li kienu jinvolvu annimali u karozzi, li f’xi każijiet wasslu għal fatalitajiet, se jkun qed jitressaq għal diskussjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.

Liċenzja u polza tal-assigurazzjoni … jew ma ssuqx

Skont ir-regolamenti l-ġodda li mistennija jidħlu fis-seħħ fil-ġimgħat li ġejjin, l-ebda żiemel jew bhima ma jista’ jinstaq fit-toroq Maltin sakemm ma jkunx liċenzjat, filwaqt li vetturi tal-annimali - inkluż karozzini, serkini, jew xarretti - ma jistgħux jinstaqu sakemm ma jkunux koperti b’polza ta’ assigurazzjoni. Apparti minn sid iż-żiemel, ma jista’ jkun hemm l-ebda persuna oħra li ssuq iż-żiemel sakemm din ma tkunx koperta b’polza ta’ assigurazzjoni wkoll.

Il-kuċċiera tal-annimali huma obbligati wkoll li jirrapurtaw kwalunkwe inċident li jkunu involuti fih, u fin-nuqqas ta’ dan, jistgħu jiġu mmultati sa massimu ta’ €100.

Il-liċenzja għall-karozzini se tkun tiswa €20 filwaqt li l-liċenzji l-oħrajn, li jinkludu dawk għas-sewqan ta’ żiemel bis-serkin, se jiswew €5. Dawn tal-aħħar jiġu mġedda kull ħames snin filwaqt li l-liċenzja għall-kuċċiera tal-karozzini trid tiġi mġedda kull sena. Is-sistema tal-liċenzji se tkun qed taħdem b’sistema ta’ punti.

L-abbozz li għandu f’idejh l-ILLUM jgħid ukoll li l-ebda liċenzja ma tista’ tinħareġ lis-sewwieqa taż-żwiemel jekk iż-żiemel ikun trattat b’mod mhux xieraq. F’każ li ż-żiemel ikun f’kundizzjoni ta’ saħħa dgħajfa, il-liċenzja tal-kuċċier tista’ tiġi sospiża jew revokata.

Aktar minn hekk, il-liġijiet isostnu li sabiex persuna tiġi liċenzjata trid tattendi kors obbligatorju dwar il-ħarsien tal-annimali u trid timxi mar-regoli tat-triq. Bl-istess mod, is-sidien taż-żwiemel u l-operaturi tal-karozzini jridu jnaddfu wara l-ħmieġ taż-żiemel.

Fil-każ tal-karozzini, l-operaturi jridu jaċċertaw li ż–żwiemel għandhom provvista kontinwa ta’ ilma u f’każijiet fejn iż-żiemel huwa marid, għajjien, mweġġa’ jew mgħobbi wisq, dan ma jistax jintuża.

Skont dan l-abbozz, l-ebda persuna ma tista’ tirkeb żiemel mingħajr sarġ u lanqas ma jista’ jinstaq bit-trott. Kull persuna trid tkun liebsa elmu f’rasha u fl-ebda ħin ma tista’ tħalli l-annimal waħdu.

Kelliema għall-Ministeru tat-Trasport li tkellmet mal-ILLUM spjegat li bħalissa qed isiru l-aħħar irtokki għal-liġijiet imsemmija, u li fil-ġimgħat li ġejjin mistennija jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika. Wara dan il-perjodu, l-abbozz jgħaddi f’idejn il-parlament u sussegwentament isir liġi.

 

More in Kronaka