(Aġġornat) Ħaddiem jaqa’ għoli ta’ tmien filati fis-Swatar - jinsab fil-periklu tal-mewt

Tilef il-bilanċ kif kien nieżel minn fuq ċint

Il-ħaddiem qed jiddaħħal fl-ambulanza. Ritratt Ray Attard
Il-ħaddiem qed jiddaħħal fl-ambulanza. Ritratt Ray Attard
Ritratt Ray Attard
Ritratt Ray Attard
Filmat Ray Attard

Aġġornament

Fi stqarrija l-Pulizija kkonfermat li l-kundizzjoni tal-ħaddiem, li jaħdem għal rasu bħala plumber, qalbet għall-agħar u ġie ċċertfikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Carmelo Schembri ta’ 33 sena mis-Siġġiewi huwa t-tieni ħaddiem li korra fuq il-post tax-xogħol illum. Anke f’dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Dr Consuelo Scerri Herrera.

Iktar qabel...

Raġel ta’ 36 sena mis-Siġġiewi ddaħħal l-isptar wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar tmin filati meta kien qed jaħdem fuq bejt ta’ penthouse ta’ binja li għadha fi stadju ta’ kostruzzjoni.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3.30 p.m. fi Triq is-Sisla, fl-inħawi magħrufin bħala Tal-Qattus fis-Swatar limiti ta’ Birkirkara. Dak il-ħin ir-raġel kien niezel minn fuq ċint meta tilef il-bilanċ b’konsegwenza li ħa tisbita fuq għal fuq it-terrazzin.

Kien kollega tiegħu, li flimkien kienu qed jagħmlu xogħol bil-pajpijiet, li ta l-ewwel assistenza lil sieħbu u anke daħlu fil-kamra biex ma jħallihx fit-terrazzin.

Ambulanza b’tim tal-Emergency Ambulance Responders u infermieri waslu mill-Isptar Mater Dei fi ftit minuti u magħhom waslu wkoll il-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit u dawk tad-Distrett.

Peress li l-binja għadha mhix lesta għad m’hemmx is-servizz tal-lift u għaldaqstant il-Pulizija tal-RIU u t-tim mediku kellhom iniżżlu lill-pazjent ħames sulari mit-taraġ.

S’issa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni tal-ħaddiem għalkemm jidher li sofra ġrieħi f’rasu u dahru.

Is-Surġent Oriana Spiteri flimkien mal-Kuntistabbli Charlon Borg mill-Għassaa ta’ Birkirkara ħejjew rapport tal-inċident.

More in Kronaka