Sewwieq ikorri gravi f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żabbar

X’aktarx li ħassu ħażin u baqa’ dieħel f’faċċata ta’ ħanut

Il-karozza involuta fl-inċident. Ritratt Maltese Roads Traffic Updates
Il-karozza involuta fl-inċident. Ritratt Maltese Roads Traffic Updates

Raġel ta’ 27 sena minn Ħaż-Żabbar qiegħed jingħata l-kura medika fl-Isptar Mater Dei wara li kien involute f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żabbar stess. X’aktarx li s-sewwieq ħassu ħażin ftit qabel l-inċident b’konsegwenza li ma kellu ebda’ kontroll fuq il-karozza.

Dan l-inċident seħħ illum għall-ħabta tas-7.00 p.m. meta r-raġel kien qed isuq karozza Honda Civic fi Triq Tumas Dingli. Kien hawn li huwa ntilef minn sensih b’konsegwenza li tkaxkar ma’ faċċata ta’ dar u l-karozza baqgħet ħierġa għal Triq is-Santwarju, li hija t-triq prinċipali li tagħti għall-Knisja Parrokjali bil-karozza tispiċċa tieqaf ma’ faċċata ta’ ħanut. B’xorti tajba dak il-ħin la kienu ġejjin karozzi oħrajn li lanqas kien hemm nies fuq il-bankina.

Persuni li raw l-inċident iseħħ marru jagħtu l-ewwel għajnuna lis-sewwieq. Peress li mill-magna deher ħiereġ id-duħħan, dawk li marru jassistu ħarġu lis-sewwieq minn qalb it-tifrik għax beżgħu li l-karozza kienet se tieħu n-nar.

Fuq il-post marret ambulanza b’infermier u t-tim tal-‘Emergency Ambulance Responders’ li bdew jagħtu l-ewwel għajnuna medika lis-sewwieq u ħaduh l-Isptar Mater Dei.

Il-Pulizija tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Josric Mifsud flimkien mas-Surġent Gino Caruana qed jinvestigaw l-inċident.

Sakemm lestejna dan ir-rapport, il-Pulizija ma kelliex il-kundizzoni medika tal-vittma.

More in Kronaka