‘Hold-up’ ieħor fi spazju ta' 24 siegħa

Misruqin €350 minn ħanut f’San Ġiljan

Wara l-‘hold-up’ li sar fil-Gżira l-Ħadd li għadda, ilbieraħ il-Pulizija ġew informati li kien seħħ ‘hold-up’ ieħor din id-darba f’San Ġiljan.

Ħalliel li daħal f’ħanut fi Triq Ross tard ilbieraħ filgħaxija mingħajr ma kellu wiċċu mgħotti u armat b’oġġett f’idejh, hedded lill-impjegata u ordnalha ttiħ il-flus li kellha fil-cash-register li kienu jammontaw għal madwar €350.

Għalkemm l-impjegata ma sofriet l-ebda ġrieħi, hija kellha xokk kbir fuqha. Il-Pulizija tad-Distrett u dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali qed jinvestigaw dan ir-reat.

Mill-bidu ta’ din is-sena seħħew erba’ ‘hold-ups’ li nafu bihom aħna. L-ewwel wieħed seħħ fl-14 ta’ Jannar fuq impjegati u klijenta li kienu fil-fergħa tal-Maypole fi Triq Sta Katerina f’Ħ’Attard. Minn hawn insterqu madwar €1,000 u kartira tal-klijenta.

Jumejn wara, fis-16 ta’ Jannar, ħalliel seraq €500 minn pet shop fi Triq il-Wied f’Ħal Balzan u t-tielet każ seħħ il-Ħadd li għadda, l-1 ta Marzu minn fejn insterqu €700 mill-ħanut “Step In” li jinsab fi Triq Gerry Zammit fl-Imsida.

More in Kronaka