[Aġġornat 2] Traġedja fit-Tarzna ta’ Palumbo. Il-vittma kien missier ta' triplets

Għaddas inġibed f’toqba u ma setax joħroġ. Inutli t-tentattivi biex isalvawlu ħajtu

Patrick Vella - tilef ħajtu waqt il-qadi ta' dmirjietu. Ritratt Facebook
Patrick Vella - tilef ħajtu waqt il-qadi ta' dmirjietu. Ritratt Facebook

Aġġornament

It-traġedja li laqtet lill-familja ta’ Patrick Vella, reġgħet qajmet l-importanza dwar is-saħħa u s-sigurtá fuq il-post tax-xogħol.

Patrick Vella kien missier ta’ tliet ibniet żgħar, triplets, li persuni qrib tiegħu qalulna li kienu l-imħabba ta’ ħajtu li għalqu żmienu xahar ilu fl-istess ġurnata li għalaq żmienu wkoll Patrick.

F’Lulju 2004 kienet seħħet traġedja oħra fejn għaddas Olandiż miet fil-Freeport meta kien qed jaħdem taħt vapur. Dakinhar Raymond van Beek ta’ 40 sena, missier ta’ żewġt itfal, spiċċa mqatta’ biċċiet minn wieħed mill-iskrejjen ta’ vapur tal-merkanzija ta’ 6,500 tunellata waqt li kien qed jispezzjonalu l-qiegħ.

Van Beek, bħal Patrick Vella, wkoll kien waħdu meta kien qed iwettaq dmieru. Ġeneralment meta l-għaddasa li jgħoddsu bħala delizzju, qatt ma jinżlu weħidhom. Ma nafux jekk fuq il-post tax-xogħol, bħalma kienu jagħmlu kemm Patrick Vella kif ukoll Raymond van Beek hix prattika li jkunu weħidhom.

iktar qabel

Il-vittma, Patrick Vella, fil-fatt mhux impjegat mal-kumpanija Palumbo imma ma' SalpaSub li jispeċċjalizzaw f’dan it-tip ta’ xogħol. Vella kellu snin ta’ esperjenza.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li t-tim mediku ma setax jagħmel aktar milli għamel biex isalva l-ħajja ta’ Vella. L-ambulanza kienet skortata mill-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku biex tasal l-isptar fl-inqax ħin possibli. Nifhmu li fit-triqthom lejn l-isptar l-ambualnza waqfet darbtejn biex it-tim mediku amministra x-xokkijiet fuq qalb Vella. Dan sar f’tentattiv iddisprat u biex jingħataw ix-xokkijiet fuq il-qalb, l-ambulanza ma tistax tkun qed tinsaq.

Sfortunatament kull tentattiv falla.

F’din l-operazzjoni rajna l-forzi tal-ordni – il-Pulizija, l-Armata u l-Protezzjoni Ċivili flimkien ma’ tabib u infermieri – jagħmlu minn kollox biex isalvaw ħajja ta’ persuna.

Iktar qabel…

Għaddas ta’ 36 sena miż-Żejtun li kien qed jaħdem f’kexxun f’wieħed mill-baċiri fit-Tarzna ta’ Palumbo f’Bormla, miet minkejja t-tentattivi ddisprati tat-tim mediku wara li ttella’ f’operazzjoni konġunta bejn l-għaddasa tal-Forzi Armati u dawk mid-Dipartiment tal-Portezzjoni Ċivili.

Dalgħodu għall-ħabta tal-11.30 a.m. l-għaddas niżel fil-baċir biex jibda jaħdem fuq il-kexxun tal-baċir. Wara li għadda xi ħin u l-għaddas ma tfaċċax xi ħadd talab għall-assistenza.

Minnufih fuq il-post marru l-għaddasa mit-Taqsima tal-Expolsive Ordinance Disposal tal-FAM u dawk tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei immexxi minn Dr Jonathan Joslin.

Huwa mifhum li fl-operazzjoni ħadu sehem ħames għaddasa fejn bdew ifittxu għall-ħaddiem. Wara xi ħin huwa nstab imwaħħal f’toqba. Għalkemm għadu mhux konfermat kif spiċċa hemm ġew, sorsi li tkellmu magħna qalulna li mhux qed ikun eskluż li xi ħadd ma kienx konxju li kien hemm l-għaddas qed jaħdem u nxtel valve b’konsegwenza li r-raġel inġibed fit-toqba b’saħħa kbira.

Hekk kif ittella’ fuq l-art, it-tim mediku beda minnufih jamminstra n-nifs artifiċjali kif ukoll messaġġi fuq qalbu peress li deher li kien f’kundizzjoni gravi. Huwa ddaħħal fl-ambulanza u ttieħed l-Isptar Mater Dei, iżda minkejja t-tentattivi biex isalvawlu ħajtu, anke fit-triq lejn l-isptar, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet kif wasal il-Mater Dei.

Il-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa ta’ Bormla qed investigaw il-każ.

Dan huwa l-ewwel każ din is-sena fejn ħaddiem tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol.

 

 

More in Kronaka