(Aġġornat bir-ritratti) Jisfrundaw żewġ gallariji u anzjana nqabdet ġewwa

Ħadd ma weġġa’ u l-mara nħarġet qawwija u sħiħa
 

Fuq ix-xellug iż-żewġ gallariji li ċedew.
Fuq ix-xellug iż-żewġ gallariji li ċedew.

Il-maltemp li beda matul illejl u kompla anke dalgħodu, bħas-soltu ħoloq problemi mhux biss fit-toroq minħabba l-ilmijiet, iżda anke kkawża ħsarat.

Għall-ħabta tas-7.00 a.m. anzjana li toqgħod weħidha f’appartament taħt il-livell tat-triq fi Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta, ħadet xokk ta’ ħajjitha meta semgħet ħoss qawwi. Kif ittawlet biex tara x’kien ġara sabet li ma setgħetx toħroġ mill-appartament minħabba li l-bieb ta’ barra kien imblukkat b’terrapien u ġebel.

Kawża tal-maltemp ċediet parti minn gallarija li tinsab fit-tieni sular b’konsegwenza li meta waqa’ l-ġebel spiċċż fil-gallarija ta’ sular ta’ taħt li wkoll sfrundat. Il-ġebel, terrapien u parti mix-xibka tal-gallariji spiċċaw quddiem il-bieb ta’ barra tal-anzjana u ma nqabdet ġewwa.

L-ewwel ma waslu fuq il-post kienu l-Pulizija tad-Distrett mill-Għassa tal-Mosta u ftit wara waslu l-Pulizija mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit. Issejħu wkoll il-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjon tax-Xemxija mmexxijin mill-Uffiċjal Tony Portelli li neħħew it-terrapien minn quddiem il-bieb.

Bl-għajnuna ta’ dawk li marru jassistuha, l-anzjana flimkien mal-kelb tagħha nħarġu mingħajr ma sofrew lanqas girfa. Għalkemm fuq il-post kien hemm ambulanza b’tim mediku, l-anzjana ma kellha bżonn l-ebda kura tant li hija marret għand il-ġirien tagħha li ħadu ħsiebha.

 

More in Kronaka