Pulizija aggrediti, mgħajra u insulentati

Mara fis-sakra, arrestata, tressqet il-Qorti u spiċċat il-ħabs

Għal darb’oħra membri tal-Korp tal-Pulizija sfaw aggrediti minn mara li kienet fis-sakra waqt il-qadi ta’ dmirijiethom meta rrispondew fuq sejħa ta’ argument f’ħanut tax-xorb f’Ħal Tarxien. Josianne Grech ta’ 29 sena minn Birkirkara qed tinżamm taħt arrest preventi wara li ċaħdet l-akkużi kollha.

Il-każ seħħ ilbieraħ, il-Ġimgħa għall-ħabta tat-8.30 p.m. meta ntalbet l-assistenza tal-Pulizija minħabba xi argument jaħraq f’ħanut tax-xorb f’Ħal Tarxien. Meta l-Pulizija waslu fuq il-post la sabu li kien hemm argument u lanqas xi storbju. Kif kienu se jmorru lura avviċintahom Grech li dehret li kienet taħt l-influwenza qawwija tal-alkoħol. Il-mara allegat li s-sieħeb tagħha kien aggrediha bi flixkun. Għalkemm ma kellha l-ebda ġrieħi viżibbli, il-Pulizija qalulha biex tmur iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u ġġib ċertfikat. Dak il-ħin tfaċċa s-sieħeb tagħha li meta kellmuh il-Pulizija ċaħad l-allegazzjonijiet tal-mara.

Kif il-mara semgħet dan saret aggressiva tant li nstemgħet titkellem oxxen u anke bdiet tinsulenta lill-Pulizija u lill-familji tagħhom. Kif il-Pulizija ppruvaw jikkalmawha, qabdet tazza tal-ħġieġ u xeħtitha lejn il-Pulizija.

Hekk kif is-sieħeb tagħha kien se jibda jwarrab, hija marret għalih u kemm bil-fixkla u x’aktarx minħabba l-istat ta’ sakra li kienet fih, tfixklet u waqgħet fl-art.

Minkejja l-attitudni tagħha fil-konfront tal-Pulizija, l-istess Pulizija marru jgħinuha biex tqum mill-art, iżda minflok ma rringrazzjathom bdiet tagħti bis-sieq lill-istess Pulizija fejn wieħed minnhom intlaqat ħafif.

Wara ftit tal-ħin is-sitwazzjoni kkalmat u l-mara telqet minn fuq il-post. Iżda minflok marret biex tkun invistata minn tabib bħalma ssuġġerewlha l-Pulizija, hija marret f’post ieħor f’Ħal Tarxien fejn qed ikun allegat li kellha argument ma’ persuni oħrajn.

Għal darb’oħra l-Pulizija marru fuq il-post biex jarrestaw lill-mara. Kif indunat bil-preżenza tal-Pulizija, il-mara ħarbet minn fuq il-post bil-Pulizija jiġru warajha fejn inżammet qrib il-Knisja Parrokjali ta’ Ħal Tarxien. Kif kienet qed tinżamm, il-mara beżqet fid-direzzjoni tal-Pulizija u anke ppruvat taggredihom.

Wara li ġiet imrażżna, il-Pulizija ħadu lill-mara ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid fejn Grech kompliet tkun aggressiva u għal darb’oħra tat bis-sieq lill-Pulizija.

Illum stess Josianne Grech tressqet il-Qorti mill-Ispettur Spiridione Zammit fejn ġie akkużata quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Dr Consuelo Scerri Herrera, li ħebbet u weġġgħet membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u żewġ persuni oħra f’Ħal Tarxien. Grech ġiet akkużata wkoll li kkawżat ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq membru tal-Korp tal-Pulizija. Hi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrieha u qed tinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Din ma kintx l-ewwel darba li Josienne Grech ġiet fl-inkwiet mal-ġustizzja. F’Novembru tas-sena l-oħra hija ammettiet quddiem il-Maġistrat Carol Peralta li fid-19 ta’ Lulju tal-2014, għall-ħabta tal-4pm fil-Gżira kienet kompliċi ma’ persuni oħra biex tat in-nar fuq ir-residenza ta’ koppja mill-Gżira.

Intant il-Ministru Carmelo Abela fi tweet qal li għal darb'oħra hu jikkundanna l-vjolenza fuq il-pulizija u jitlob għal rispett lejn nies li xogħolhom huwa proprju l-ħarsien tas-sigurtà.

More in Kronaka