Ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u l-RIU

Arrestati tlett irġiel fuq droga

Il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kif ukoll dawk mir-Rapid Intervention Unit fil-jiem li għaddew arrestaw tlett irġiel separatament fuq suspett ta’ traffikar u pussess ta’ droga.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li minn investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fil-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Frar, 2015, ġie arrestat raġel ta’ 30 sena residenti l-Ħamrun wara li fil-pussess tiegħu nstab ammont ta’ sustanza suspettata kokaina. Ir-raġel twaqqaf mill-Pulizija wara li l-investigazzjonijiet indikaw li hu kien ser jipprova jitraffika d-droga f’positijiet ta’ divertiment.

F’investigazzjoni oħra li saret fil-lejl ta’ bejn is-7 u t-8 ta’ Frar, 2015, il-Pulizija mill-istess skwadra, arrestaw raġel ieħor ta’ 39 sena residenti Birkirkara. Hu nstab fil-pussess ta’ ammont ta’ sustanza bajda suspettata kokaina.

Arrest ieħor relatat mad-droga sar minn membri mir-Rapid Intervention Unit nhar is-Sibt, 7 ta’ Frar. Fi tfittxija li għamlu l-Pulizija fuq il-persuna ta’ ragel ta’ 32 sena residenti l-Floriana, instab ammont ta’ sustanza suspettata kokaina liema droga instabet f'tali ċirkustanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Filwaqt li l-istħarrig tal-Pulizija għadu għaddej, il-persuni mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjien, ittemm l-istqarrija.

 

More in Kronaka