(Aġġornament 1) Sparatura fl-Iklin dwar ċekkijiet li ma ssarrfux

L-arma li ntużat x’aktarx mhix arma regolari. Il-Pulizija qed iżżomm xi persuni biex jgħinuha fl-istħarriġ

Il-post fejn seħħet l-isparatura. Ritratt John Pisani
Il-post fejn seħħet l-isparatura. Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani
Ritratt John Pisani

Aġġronament

Sorsi oħrajn qed jallegaw li r-raġel, fejn qed ikun irrapportat li huwa ċertu Chris Schembri, kien ingħata ċekkijiet biex jitħallas tal-fjuwil li huwa għadda lil raġel ieħor. Min-naħa tiegħu Schembri għadda dawn iċ-cekkijiet lill-Avukat Abela biex jgħaddihom lil AC Fuels, iżda dawn iċ-ċekkijiet ma kienx konvalidati mill-bank.

L-istess sorsi komplew jallegaw li fuq wara ta’ wieħed miċ-ċekkijiet li Schembri għadda lil Dr Abela kien hemm numru ta’ mobile. Għaldaqstant l-avukat bagħat għal din il-persuna kif ukoll għal Schembri biex jirranġaw. Kien hawn li l-persuna l-oħra qalet li kien seraq iċ-ċekkiijiet mingħand il-ġenituri tiegħu, iżda ried li l-kwistjoni tkun irranġata bejniethom u biex ma jdaħħlux lill-Pulizija.

Schembri u dan ir-raġel argumentaw bejniethom u kien hawn li Schembri ħareġ u rritorna bl-arma fejn seħħet l-isparatura.


iktar kmieni...

Tard il-Ġimgħa, għall-ħabta tad-9.20 p.m. nstemgħu xi tiri  ta’ arma tan-nar f’waħda mit-toroq kwieti fl-Iklin qrib garaxx li jintuża bħala uffiċċju ta’ avukat.

Minn stħarriġ li għamel dan is-sit jirriżulta li l-isparatura seħħet wara argument li beda fl-uffiċċju tal-Avukat Jonathan Abela, li jinsab fi Triq Anton Manuel Caruana kantuniera ma’ Triq Ġuże Pesci, fuq ċekk li l-allegat raġel li spara għamel u liema ċekk ma’ kienx validu x’aktarx minħabba nuqqas ta’ fondi fil-kont.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li Dr Abela, li jirrapreżenta l-kumpanija AC Fuels Limited, bagħat għall-allegat raġel li spara biex ikellmu dwar dan iċ-ċekk fejn mhux eskluż ukoll li seta’ kien hemm ċekkijiet oħrajn li ma ġewx konvalidati mill-bank.

Preżenti fl-uffiċċju tal-avukat kien hemm ukoll il-klijent li ssuplixxa l-fjuwil lir-raġel u xi persuni oħrajn. Kien hawn li allegatament qam argument bir-raġel li spara deher jitlaq mill-uffiċċju tal-avukat.

Ftit tal-ħin wara dan irritorna lura fejn deher li f’idu kellu pistola ta’ kulur il-fidda. Qed ikun allegat li kif dan kien fl-uffiċċju beda jhedded bil-pistola u anke spara tir. Kif kien ħiereġ mill-uffiċċju tal-avukat persuna li kienet fl-istess uffiċċju ppruvat iżżommu min idejh f’tentattiv li jneħħilu l-arma biex ma jweġġa’ lil ħadd. Kif ħareġ mill-uffiċċju r-raġel spara żewġ tiri oħra u telaq minn fuq il-post. Għalkemm dawk preżenti ħadu xokk meta semgħu it-tiri, ħadd minnhom ma weġġa’.

Fi ftit minuti waslu fuq il-post il-Pulizija tal-RIU kif ukoll tad-Distrett immexxijin mill-Ispettur Nicholas Vella u dawk mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali mmexxijin mill-Ispettur Arthur Mercieca. Il-Pulizija bdew bi tfittxija għall-allegat aggressor kif ukoll għamlu tfittxija intensiva kemm għall-ballal jew skrataċċ jew fejn it-tliet tiri sparati laqtu. Imma minkejja t-tfittxija intensiva ma nstab xejn. Għaldaqstant il-Pulizija waslu għall-konklużjoni li l-arma li ntużat mhix arma regolari imma tista’ tkun arma li tispara l-‘blanks’.

Dalgħodu l-Pulizija kkonfermaw li qed iżżomm xi persuni biex jgħinuha fl-istħarriġ dwar da nil-każ.

Sadanittant Dr Jonathan Abela ġie kkwotat jgħid li hu ma kellu x’jaqsam xejn la mal-argument u lanqas kien fil-mira tal-isparatura.

More in Kronaka