[AĠĠORNAT 4] Tmienja mill-immigranti ttieħdu l-isptar, wieħed miet ftit wara

Iddaħħlu 87 immigrant raġel, kollha adulti • X'aktarx li 20 tilfu ħajjithom waqt il-vjaġġ u ieħor miet fl-Isptar Mater Dei • Tlieta li kienu suspettati bl-Ebola rriżultaw kollha fin-negattiv

Ritratt - Chris Mangion
Ritratt - Chris Mangion
Ritratt - Chris Mangion
Ritratt - Chris Mangion

Aġġornament

L-Awtoritajiet Maltin, fosthom dawk tas-Saħħa b’mod speċjali l-Ebola Response Team fl-Isptar Mater Dei, ħadu l-prekawzjonijiet kollha tant li tliet immigranti li kien hemm suspett li jistgħu jkunu infettati bl-Ebola u li kienu f’qagħda kritika, sarulhom eżamijiet immedjati. Ir-riżultati issa ħarġu kollha u ħadd mill-immigranti ma nstab li huwa marid bl-Ebola.

Fost is-87 immigrant kien tmienja minhom li ddaħħlu l-isptar u wieħed minnhom miet ftit wara. Biex ikun aċċertat li dan ma mietx bl-Ebola, saret awtopsja mill-ewwel li rriżultat fin-negattiv ukoll.

It-tliet immigranti li ddaħlu l-isptar għal kura urġenti għax ġew iċċertfikati li jinsabu fil-periklu tal-mewt kienu minħabba l-kundizzjonijiet estremi li għaddew minhom waqt il-vjaġġ fejn irriżulta li dawn xorbu l-ilma baħar.

Kif iddaħħlu f’Xatt it-Tiben l-immigranti bdew jingħataw trattament f’żona maqtugħa għaliha fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

Il-kumplament tal-immigranti qed jinżammu kwarantina għal 21 jum fiċ-Ċentru ta’ Detenzzjoni f’Ħal Safi.

F’konferenza tal-aħbarijiet Dr Charles Mallia Azzopardi, li jmexxi l-Ebola Response Team fl-Isptar Mater Dei, ikkonferma li l-prekawzjonijiet ittieħdu minħabba n-nazzjonalitá tal-immigranti li l-parti tal-AFrika minn fejn ġew kien hemm każi tal-Ebola.

Dr Mallia qal li mill-investigazzjonijiet li sar jirriżulta li l-immigranti qattgħu l-aħħar xhur fil-Libja u għaldaqstant ir-riskju li huma nfettati bl-Ebola huwa baxx ħafna.

 

Qabel...

Sadanittant fi stqarrija l-Pulizija qalet li tmienja minn dawn l-immigranti ttieħdu l-Isptar Mater Dei, fejn wieħed minnhom sfortunatament miet ftit tal-ħin wara. Għaldaqstant infetħet inkjesta maġisterjali.

Iktar kmieni

Jidher li n-numru ta’ immigranti li ġew salvati minn fuq dingi fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa kmieni dalgħodu huwa ta’ 85 kollha rġiel, filwaqt li 20 oħra mietu waqt il-vjaġġ u sħabhom kellhom jitfgħu il-katavri fil-baħar. Minħabba li dawn telqu mill-Afrika tal-Punent, l-Awtoritajiet Maltin qegħdin jieħdu l-prekawzjonijiet kollha u dawn l-immigranti qegħdin jiġu eżaminati biex ikun aċċertat li mhumiex infettati bil-marda tal-Ebola. Fil-fatt din id-darba l-ġurnalisti u fotografi ma tħallewx jersqu viċin l-immigranti. Dawn il-85 immigrant se jittieħdu f’Ċentru ta’ Detenzjoni fejn se jkunu iżolati għal xi żmien sakemm ikun aċċertat li ħadd minnhom mhu infettat bl-Ebola.

Dawk li ġew salvati ddaħħlu fuq il-Patrol Boat P22 għall-ħabta tal-10.15 a.m. filwaqt li d-dingi li kienu fuqu ddaħħal bil-lanċa ta’ salvataġġ il-Melita.

L-immigranti nfushom qed jallegaw li ġejjin mill-Mali, Niġerja, Gambja, Senegal, Kosta tal-Ivorju u Guinea.


iktar kmieni

Bħalissa t-Taqsima Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu fi triqthom lejn il-bażi Marittimu f’Xatt it-Tiben bi 80 immigrant li ġew salvati aktar qabel. Flimkien ma' dan il-grupp x'aktarx li kien hemm 20 persuna oħra fejn qed jingħad li dawn mietu waqt il-vjaġġ.

Dan huwa l-ewwel grupp ta’ immigranti li se jiddaħħal Malta. Bħalissa hemm 29 immigrant li għadhom qed jinżammu f’ċentri ta’ detenzjoni fejn fix-xhur li ġejjin għandhom jonqsu bi 17.

 

More in Kronaka