Raġel jintlaqat minn xarabank fl-Imsida

Bankina ineżistenti ħdejn “Bus Lane”. Passaġġ imblukkat minn karozzi ipparkjati

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Inċident tat-traffiku li kien qiegħed jistenna li jseħħ, fil-fatt ġara llum ftit qabel nofsinhar minħabba banikina ineżistenti li hemm ħdejn “Bus Lane” fl-Imsida.

Jude Cassar ta’ 64 sena mill-Gżira għall-ħabta ta’ 11.40 a.m. kien mixi minn quddiem il-fergħa tal-Bank of Valletta fi Triq ix-Xatt meta ntlaqat minn xarabank tat-Transport Malta misjuqa minn raġel ta’ 34 sena minn Bormla.

Fuq il-post issejħet ambulanza b’infermiera u t-tim tal-E.A.R. li wara li taw l-ewwel għajnuna medika lir-raġel ħaduh l-Isptar Mater Dei fejn għadu qed jingħata l-kura medika. Il-Pulizija kkonfermawlna li l-anzjan mhux fil-periklu tal-mewt.

Il-Pulizija tad-Distrett ħejjew rapport tal-inċident filwaqt li dawk mit-Taqsima tat-Traffiku kienu wkoll fuq il-post tal-inċident biex jidderieġu t-traffiku.

Kemm uħud mir-residenti kif ukoll persuni li jkunu fl-inħawi lmentaw ma’ illum.com.mt li dan kien inċident li kien qed jistenna li jiġri. Huma qalulna li minkejja li dik il-parti tat-triq hija traffikuża u minkejja li hemm parti riservata biex jgħaddu minnha l-karozzi tal-linja biss, m’hemmx bankina u kulma hemm hija l-triq hija miżbugħa kulur differenti.

L-istess sorsi saħqu li l-periklu jkompli jiżdied minn sewwieqa li jipparkjaw il-karozzi tagħhom mal-ġenb tat-triq li jkomplu jipperikolaw lil dawk li jkunu qegħdin jużaw it-triq bil-mixi.

More in Kronaka