Anzjan maħsub mejjet iċċaqlaq waqt l-aċċess

Każ stramb għall-Pulizija u l-esperti tal-Qorti

 

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Il-Pulizija nħasdu meta kienu f’appartament ta’ anzjan li kien ilu ma jidher għal xi jiem u li nstab mitluq fl-art tant li kollox kien jindika li r-raġel kien mejjet. Iżda kif waslu l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat u l-espert tal-Qorti, l-anzjan iċċaqqlaq u rriżulta li kien għadu ħaj.

Dalgħodu, għall-ħabta tal-11.30 a.m., in-neputija tal-anzjan li għandu 86 sena u li jgħix waħdu f’appartament fix-Xatt, f’Tas-Sliema, ġiet informata mill-infermiera tal-MMDNA li zijuha ma kienx qed jirrispondi l-bieb u li kien ilu ma jidher għal xi jiem.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u kif sgassaw il-bieb sabu xi taqlib fil-kmamar u kif komplew deħlin innuttaw li fit-terrazzin kien hemm l-anzjan mitluq fl-art u li kien jidher li huwa mejjet tant li anke kellu xi dud miegħu li ssoltu jkunu assoċjati meta jinstabu f’kadavri.

Għaldaqstant ġiet ordnata inkjesta mill-Maġistrat Dr Josette Demicoli li min-naħa tagħha ħatret lit-Tabib Forensiku Mario Scerri flimkien mal-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat.

Kif il-Pulizija komplew jinvestigaw bdew isibu aktar taqlib, liema taqlib kien jidher li ma kienx sar minn xi ħallelin imma x’aktarx minħabba li l-anzjan seta’ kien diżorjentat. Meta Dr Scerri resaq lejn l-anzjan seta’ jinnota diversi dud fuq il-persuna li kienu jindikaw li r-raġel kien ilu mitluq fl-art bejn erba’ u ħamest ijiem. Hekk kif bdew jittieħdu ritratti tax-xena u Dr Scerri niżel biex jeżamina dak li kien maħsub li kien kadavru, l-anzjan beda jiċċaqlaq.

Minnufih intalbet biex tmur fuq il-post ambulanza li waslet fi ftit minuti. Peress li fl-inħawi kien hemm konġestjoni tat-traffiku, il-Pulizija pprovdew skorta biex l-anzjan jitwassal malajt kemm jista’ jkun l-Isptar Mater Dei.

Ir-raġel baqa’ jinżamm l-isptar għal aktar kura u osservazzjoni. L-istħarriġ tal-Pulizija qed jitmexxa mill-Ispettur Jonathan Ransley tad-Distrett.

More in Kronaka