Tkompli tinqabad aktar droga

Żagħżugħ minn Birkirkara arrestat bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun meta kien qed isuq mutur

Ritratt Google
Ritratt Google

Ftit siegħat ’il bogħod miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena fejn ikunu organizzati diversi parties, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga taħt it-tmexxija tal-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara, komplew inaqqsu d-droga mill-idejn li jistgħu jkunu fatali.

Illum waranofsinhar għall-ħabta tas-1.40 p.m. il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu qegħdin isegwu mutur misjuq minn suspettat li seta’ kien qed iġorr id-droga. Kif waslu fi Triq iċ-Ċawsli, li tinsab bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, il-Pulizija waqfu lir-raġel li għall-ewwel ma kienx se jieqaf minkejja l-ordni tal-Pulizija. Għaldaqstant il-Pulizija rassew miegħu u dan kien kostrett jieqaf.

Minn tfittxija li saret fuq iż-żagħżugħ ta’ 26 sena minn Birkirkara, il-Pulizija sabu madwar nofs kilo ta’ dik li hija suspettata ħaxixa tal-Kannabis li kien qed iġorr f’basket.

Huwa ġie arrestat u baqa’ jinżamm u mistenni jitressaq il-Qorti probabbli għada.

B’dan l-aħħar success mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ġie informat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Francesco Depasquale li ordna inkjesta u ħatar diversi esperti tal-Qorti biex iħejju r-rapporti rispettivi tagħhom.

More in Kronaka