Anzjana minn Tas-Sliema fil-mira ta’ ħallelin

Serqulha d-deheb sakemm marret tisma’ l-quddies. Daħlu d-dar b'ċavetta falza.

Ċavetta simili bħal dik magħrufa bħala
Ċavetta simili bħal dik magħrufa bħala "bump key". Ritratt arkivji

Mara ta’ 88 sena minn Tas-Sliema ħadet xokk ta’ ħajjitha meta fetħet il-bieb tar-residenza tagħha fi Triq it-Torri f’Tas-Sliema u sabet diversi kmamar imqalbin. Il-ħallelin daħlu fir-residenza tal-mara mingħajr ma sgassew imkien.

Dalgħodu l-anzjana marret biex tisma’ l-quddies tad-9.00 a.m. kif tagħmel kull nhar ta’ Ħadd. Kif marret lura d-dar fetħet il-bieb biċ-ċavetta u kif għamlet l-ewwel passi fid-dar rat xi taqlib. Għalkemm inħasdet meta rat xi affarijiet fl-art, għall-ewwel ma ndunatx x’kien ġara, iżda kif kompliet dieħla ħadet xokk qawwi meta rat taqlib fil-kmamar l-oħrajn. Hija marret fil-kamra tas-sodda li sabitha mqallba kollha u l-ftit deheb li kellha nsterqilha.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett li bdew jinvestigaw kif ukoll issejħu l-Uffiċjali tax-Xena tar-Reat. Minn fuq sufan il-Pulizija elevaw kalzetta tal-anzjana stess li jaħsbu li ntużat mill-ħallelin stess biex ma jħallux marki tas-swaba’.

Peress li ma nstab l-ebda sgass, lanqas fil-bieb ta’ barra, jista’ jkun li l-ħallelin daħlu b’ċavetta falza dik magħrufa bħala “bump key” minkejja li s-serratura hija waħda mill-aktar siguri.

Fis-sajf li għadda kienu ġew irrapportati diversi każi simili l-aktar fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan u Swieqi fejn il-ħallelin kienu qegħdin jidħlu fid-djar permezz ta’ “bump key”. Il-Pulizija kellhom suspetti serji li dawn is-serq kienu qegħdin isiru minn Rumeni u Bulgari u dan minħabba li f’pajjiżi oħrajn, fosthom l-Italja, kienu nqabdu diversi persuni ta’ dawn in-nazzjonalitajiet li wettqu serq simili.

More in Kronaka