[AĠĠORNAT] Kuntrabandu massiċċ tal-għasafar tal-għana

Jinqabdu 750 għasfur tal-għana li kienu se jiddaħħlu Malta illegalment minn Sqallija f'żewġ każi separati

L-Ispettur Jurgen Vella mill-Iskwadra tal-ALE mistenni jressaq raġel ta' 35 sena mill-Qrendi u anzjan ta'  69 sena min-Nadur, Għawdex, il-Qorti għada, il-Ħadd, filgħodu li mistennija jkunu mixlijin b'diversi akkużi fosthom li ppruvaw idaħħlu Malta bil-kuntrabandu għasafar protetti. Għaldaqstant se jkun akkużati b'importazzjoni ta' dawn l-għasafar b'mod illegali, b'evażjoni ta' dazju u b'moħqrija tal-annimali peress li  l-għasafar instabu f'kaxxi żgħar u kienu litteralment ippakkjati fuq xulxin.

Iktar kmieni...

Ilbieraħ filgħaxija kif wasal il-katamaran minn Sqallija għal ħabta tal-11pm, il-Pulizija tal-ALE mmexxijin mill-Ispettur Jurgen Vella waqqfu żewġt irġiel, wieħed minnhom anzjan li kienu se jdaħħlu Malta għasafar tal-għana illegalment.

Il-pulizija kienet diġà lesta fix-xatt tal-Belt fejn jitrakka l-Katamaran u kif niżel il-vann misjuq minn raġel ta' 35 sena mill-Qrendi twaqqaf u minn tfittxija li saritlu fil-vettura nstab li kellu madwar 700 għasfur tal-għana ppakkjati fil-kaxxi.

Fl-istess ħin twaqqaf ukoll vann ieħor li kien misjuq minn Għawdxi ta' 69 sena. Fil-vettura tal-Għawdxi l-pulizija tal-ALE sabet 50 għasfur tal-għana.

L-għasafar ġew ikkonfiskati u ż-żewġt irġiel baqgħu jinżammu mill-pulizija għal aktar stħarriġ.

More in Kronaka