Intervista | ‘Għandna bżonn aktar Daphnes f’Malta biex nesponu l-korruzzjoni’

Wieħed minn dawk il-mijiet u xi minn daqqiet eluf li qed imorru jipprotestaw il-Belt Valletta favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Imma ġustizzja mhix qiegħda ssir? Jew dan kollu għax hemm il-Labour fil-Gvern? U għaliex hawn min irid bilfors jimplika lil xi ħadd fil-PL għall-qtil ta' Caruana Galizia? Robert Aquilina jwieġeb ...

Il-qtil brutali tagħha, li għadu mhux solvut, ma biddilx l-opinjonijiet estremi dwar Daphne. Min baqa’ kważi jobgħodha u min għalih saret punt ta’ referenza importanti għall-bżonn li tirrenja t-trasparenza f’soċjetà li togħla ’l fuq mill-interessi partiġġjani li jwasslu għan-nepotiżmu u l-korruzzjoni.

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Robert Aquilina. Nutar, mis-Siġġiewi, attivist tal-għaqda Repubblika, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina u wieħed minn dawk il-mijiet u xi minn daqqiet eluf li qed imorru jipprotestaw il-Belt Valletta favur il-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia.

‘F’Malta bħalissa għandna s-saltna tad-delinkwenza’

Nistaqsu lil Aquilina x’inhi l-forza li qed twassal lil tant nies jitkellmu, jiltaqgħu, jimxu, jiktbu u jsemmgħu leħinhom? Inkwiet ġenwin għal pajjiżna jew sempliċiment antipatija kbira lejn il-Partit Laburista?

Aquilina jfakkar li ftit qabel inqatlet Caruana Galizia, il-Prim Imħallef, fid-diskors tal-ftuħ tas-sena forensi, kien qal illi jekk ma jkunx hemm ġustizzja għal kulħadd bl-istess riga, minflok saltna tad-dritt pajjiżna jkollu s-saltna tad-delinkwenza.

“Aħna nemmnu li f’Malta bħalissa qiegħda ssaltan id-delinkwenza, b’impunità minn reati ta’ individwi komuni. Imma mhux biss,” ikompli jgħid Aquilina, “agħar minn hekk għandek persuni fil-politika b’allegazzjonijiet serji ħafna fuqhom ta’ korruzzjoni u reati serji oħrajn.”

“Jekk m’għandekx saltna tad-dritt, m’għandekx demokrazija,” jinsisti l-avukat ma’ din il-gazzetta.

Jgħid li lil hinn minn dan iżda, hemm l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia nnifsu. “Li kellek il-ġurnalista li l-aktar illi ħarġet bi stejjer dwar allegazzjonijiet fuq politiċi, fis-sens ta’ korruzzjoni, tinqatel b’mod mafjuż huwa inkwetanti ħafna għal pajjiżna.”

Huwa jsemmi l-istorja ta’ Don Luigi Ciotti illi kien mistieden minn Repubblika biex jindirizza l-folla li attendiet għall-attività tat-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ifakkar illi dan iġġieled lill-mafja u qal li dan mhux meqjus bħala traditur, donnu biex jibbottja għal ħafna nies li jagħtu lil ta’ Repubblika u oħrajn din it-tikketta. “U l-istess aħna qed niġġieldu d-delinkwenza u l-impunità.”

‘Meta żżid fil-problema tad-densità m’intix qed tħares l-interess tal-poplu’

Semma l-bniedem komuni u l-impunità. Jista’ jagħti eżempju?

“Nieħdu l-eżempju tal-ambjent. Qatt daqs illum ma kellek żviluppaturi li qed joħolqu skumdità kbira fir-rigward tal-poplu.”

Inwaqqfu. Forsi għax qatt daqs illum ma kien hawn xogħol f’din l-industrija?

“Il-kostruzzjoni żdiedet speċjalment għax il-Gvern iddeċieda li jistimulaha b’aktar permessi u sulari u għax ġie ddikjarat ukoll li hemm bżonn nimpurtaw aktar nies minn barra mill-pajjiż,” jgħid Aquilina li jkun pront iżda jgħid illi l-problema mhix l-immigranti imma n-nuqqas ta’ ppjanar.

Imma skużi, Aquilina x’qed jipproporni eżatt? Li nwaqqfu l-industrija tal-kostruzzjoni?

Huwa jgħid li hemm bżonn ta’ politika li tħares lil hinn u ’l bogħod. “Li inti konxjament tiggrava l-problema tad-densità ta’ pajjiżna, huwa ovvju li m’intix tħares l-interess tal-poplu,” sostna Aquilina ma’ din il-gazzetta.

Huwa jgħid li l-liġijiet ta’ pajjiżna lanqas huma ppreparati biżżejjed biex jipproteġu lil dawk li darhom taqa’ bħalma ġara xi drabi din is-sena.

Nerġa’ nwaqqfu. Min ma jaqbilx miegħek jgħid li inti, bl-argument tiegħek se twaqqaf ix-xogħol u thedded l-impjiegi. Kif twieġeb?

“Il-kwalità tal-ħajja ma tiddependix biss fuq il-flus. X’garanzija għandu ċ-ċittadin li din is-sitwazzjoni tista’ tkun sostnuta?” jistaqsi rettorikament Aquilina, forsi għax jaf (jew suppost) l-art hija finita u xi darba (suppost) mhux se jkun hemm fejn nibnu.

Infakkru li taħt Gvern Nazzjonalista, iż-żoni tal-iżvilupp kienu estiżi daqs is-Siġġiewi, x’kumbinazzjoni fejn konna. Allura dakinhar għaliex ma tkellimx ukoll?

Aquilina jirrakkonta kif fl-2009 kien hemm kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, ħabib tiegħu, li kien kitiblu diskorsi. F’diskors minnhom huwa kien staqsa jekk kellniex “naslu sa hawn ... u jekk l-istat hux qiegħed jipproteġi l-interessi tal-istat jew inkella tal-iżviluppaturi.”

“Jiena minn dejjem hekk kont naħseb, qatt ma biddilt dak li nemmen fih,” sostna Aquilina. “Imma ħaġa waħda bidlet kollox. Li nqatlet ġurnalista,” jirrimarka.

Panama: ‘għadhom ma nqabdux għax hawn kollass fl-istituzzjonijiet’

Diversi, inkluż Konrad Mizzi u Keith Schembri stess, jgħidu li dwar il-ftuħ ta’ kumpanija mhux iddikjarata fil-Panama ma hemm ebda prova li daħlu flus u allura l-ebda prova ta’ tixħim. Imma n-nies jimpurtaha minn dan kollu? Ikellmuk dwar dan in-nies li tiltaqa’ magħhom?

“Issemmulek l-FIAU, pereżempju. Ara qabel ħadd ma kien jaf bl-FIAU,” jibda jirrispondi. “Meta nistaqsihom kemm qed jaqilgħu flus u allura għandhomx biżżejjed biex jixtru din il-proprjetà, jistaqsu jekk il-politiċi jiġu mistoqsijin dawn it-tip ta’ mistoqsijiet.

“U din kulħadd, m’hemmx Laburisti jew Nazzjonalisti. Il-pubbliku jħoss li saru affarijiet ħżiena u ħżiena ħafna.

Aquilina jsemmi l-ftuħ ta’ kumpaniji fil-Panama u jallega illi sa issa Konrad Mizzi u Keith Schembri “għadhom ma nqabdux għax hawn kollass fl-istituzzjonijiet.”

Aquilina jagħmel aċċenn għar-riżenji tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar u dik tal-eks Direttur tal-FIAU Manfred Galdes u jorbot dawn ir-riżenji mal-kwistjoni tal-Panama Papers. “L-ewwel riżenja kienet dik tal-Kummissarju Cassar, imbagħad ta’ Galdes wara li dan ippreżenta minn tal-anqas rapport wieħed lill-Pulizija dwar il-kumpaniji tal-Panama.”

Filwaqt li jallega illi Cassar, li kien qal illi rriżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ma riedx jieħu passi u għalhekk irriżenja jgħid ukoll illi hu jinsab infurmat li tliet xhur qabel ma rriżenja, Galdes kien qal illi jekk il-Gvern jindaħallu f’din il-kwistjoni hu se jirreżenja.

“Allura dan iqajjem suspetti kbar,” jisħaq Aquilina.

Egrant: ħafna mill-informazzjoni minn Dubaj ma waslitx

Induru għal ftit fuq il-kumpanija Egrant, l-aktar kumpanija mit-tlieta li hija kontroversjali. Il-konklużjonijiet tar-rapport dwar Egrant huma ċari: m’hemm l-ebda prova li torbot lill-Egrant ma’ Michelle jew Joseph Muscat.

Ma jaħsibx li dawn il-konklużjonijiet taw daqqa kbira lil dawk kollha bħalu li ddubitaw tant lil Muscat fuq Egrant u lill-kawża ta’ Repubblika?

“Muscat jgħid li r-rapport eżonerah meta dan mhux minnu. Ma nstabux biżżejjed provi u l-firem ma jaqblux...” Jieqaf u jgħid li eżatt kif ħarġet l-allegazzjoni l-Prim Ministru mill-ewwel irrimarka dwar firem foloz jew li ma jaqblux.

Qed jimplika li l-firem ġew iffalsifikati appposta biex id-dokument (declarataion of trust) jidher falz?

“Ma nafx qed nistaqsi,” jgħid Aquilina li jfakkar illi ħafna informazjoni baqgħet ma waslitx minn Dubaj, il-pajjiż marbut ma’ 17 Black.

‘Il-klijenteliżmu mhux illum beda imma dan il-Gvern qed jeċċella fih’

Minkejja dan kollu u anke stejjer oħrajn (VGH, Gaffarena, Cafe Premiere ...) il-Partit Laburista baqa’ popolari ħafna u baqa’ jirbaħ l-elezzjonijiet b’maġġoranzi enormi. Kif jispjega dan?

“Il-problema hija l-prattika oxxena tal-klijenteliżmu. Il-Gvern jużaha biex jibqa’ jieħu l-kunsens tal-poplu filwaqt li jgħatti dnubietu,” qal Aquilina.

Imma kif jista’ jkun li 40,000 maġġoranza tispjegaha biss bil-klijenteliżmu?

“Il-klijenteliżmu mhux illum beda imma dan il-Gvern qed jeċċella fih ħafna, minn appuntamenti fl-isptar...”

“Din il-mentalità, lin-nies tinżlilhom għasel, li jakkwistaw xi ħaġa meta dik ix-xi ħaġa hija dritt tagħhom,” jgħid. “Jekk qabżuni għal operazzjoni ma nifhimx li forsi qed naqbeż lil xi ħadd li forsi għandu dritt u bżonn aktar minni?”

Huwa qal ukoll illi fost sezzjoni tal-poplu hawn qtigħ ta’ qalb, xi ħaġa li qal illi ma tgħinx biex il-Gvern jitlef l-appoġġ.

Imma mhux qed isemmi l-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni ma tinsabx f’sitwazzjoni tajba, li jfisser illi hija parti mill-problema. X’għandha tagħmel?

“Meta qed ngħidu li hawn dan l-abbuż kollu, importanti li n-nies jinżlu fit-toroq jipprotestaw. Irridu nikkonvinċu lin-nies biex ma jaqtgħux qalbhom u l-poplu għandu juri diżapprovazzjoni. X’jagħmlu l-partiti affari tagħhom, aħna qed nagħmlu attività kull xahar ... jekk ħaddieħor hux qed jagħmel dak li hemm bżonn ma nistax ngħid però r-realtà hija evidenti għal kulħadd.”

‘Daphne għenet ħafna iktar milli kemm hemm min jaħseb li tellfet’

Mingħajr ma niġġeneralizzaw jew noffendu, nirrimarkaw illi ħafna minn dawk li jsegwu lill-Repubblika huma ġeneralment minn klassi soċjali partikolari u huma votanti Nazzjonalisti. M’hemm xejn ħażin f’dan, iżda biex Repubblika tikber u l-għajta tkun aktar popolari hemm bżonn ukoll l-appoġġ ta’ nies differenti, b’ideat u ħsibjiet dfferenti. L-idea li ‘aħna bravi’ u kull min jaqbilx magħna huwa ‘ħamallu, injorant u korrott’ ma tgħinx!

Aquilina jammetti li s-sitwazzjoni kif spjegata mhix ’il bogħod, għalkemm jgħid ukoll illi fost dawk li jattendu l-attivitajiet tagħhom hemm nies li fl-2013 ivvutaw lill-Partit Laburista.

“Kuntenti? Żgur li le però għas-sena li ilna neżistu għamilna progress għalkemm għad fadal. Irridu li Repubblika tibqa’, anke meta aħna ma nibqgħux fiha.”

Imma tagħtihom tort lil ċerta nies iħossu li għandhom jibqgħu lura milli jattendu u jkunu parti mill-messaġġ ta’ Repubblika? Nies li jammettu u jafu li Caruana Galizia kellha stejjer tajbin u li heżżu lill-gvern, però mbagħad li ddejqu bl-element ta’ klassiżmu u kważi mibegħda, anke kontra persuni komuni.

Aquilina jfakkar f’Carlo Alberto Dalla Chiesa, li kien maqtul flimkien ma’ membri tal-familja tiegħu mill-mafja. Huwa jgħid li dan huwa meqjus eroj fl-Itaja, anke jekk darba nqabad li kien qiegħed fil-mażunerija li qajmet skandlu.

“Dan ma jneħħix mill-fatt li huwa eroj,” jgħid Aquilina.

“Lil dawk li kienu jiddejqu bil-mod kif kienet tikteb Daphne, għandhom jew m’għandhomx raġun, jiena ngħidilhom li jaqblilhom jappoġġjaw l-għajta tagħna, anke b’mod egoistiku. Għandna bżonn aktar Daphnes f’Malta għax huwa importanti li l-ġurnalist jesponi lill-politiċi, jekk hux Prim Ministru jew Chief of Staff, li jkunu korrotti.”

Huwa jgħid u jerġa’ jappella illi Daphne għenet ħafna iktar milli kemm hemm min jaħseb li tellfet.

‘Kienet iżolata mill-forzi politiċi kollha’

Imma donnu hawn din l-idea, speċjalment fost ħafna segwaċi ta’ Daphne, illi din bilfors xi ħadd mill-Gvern kien, Robert, inti x’taħseb? Kien xi ħadd mill-Gvern li qatilha?

Huwa jgħid li jemmen li l-Gvern huwa responsabbli, “anke jekk dan ma jfissirx li nemmen li qatilha hu. Nemmen iżda li l-PL u l-Gvern għamluha aktar faċli li tinqatel, wara snin ta’ demonizzazzjoni.”

Huwa jerġa’ jagħmel paralleliżmu mal-mafja u jgħid illi l-mafja tiżola lil dawk li tkun trid tattakka. “Jiena nemmen li Daphne ġiet iżolata b’mod sistematiku. Kienu jsejħulha saħħara ...”

Imma min iżolaha? Għal min qed jirreferi?

“Kienet iżolata mhux biss mill-PL, imma mill-forzi politiċi kollha ta’ Malta. Min qatilha għamel kalkolu taż-żmien,” qal f’referenza tal-fatt illi fiż-żmien li nqatlet kienet qed tiġi kkritikata fil-PN ukoll.

‘Il-Gvern mhux jippermetti li l-investigazzjonijiet isiru bis-serjetà’

Imbagħad jagħmel allegazzjoni pjuttost serja jekk mhux gravi wkoll. “Aħna nemmnu li l-Gvern mhux jippermetti li l-investigazzjonijiet isiru bis-serjetà.”

Infakkru li ħafna nies jgħidu li l-poplu m’għandux il-lussu joqgħod jagħżel il-maġistrat u l-pulizija li se jinvestiga, lussu li qed jakkużaw lill-familja ta’ Daphne bih.

“Hi ma kellhiex il-lussu tkun persuna normali...”

Għaldaqstant, il-gazzetta tistaqsi, “imma l-Gvern fejn mhux qed jagħmel xogħlu sew?”

“Kien hemm storja m’ilux fuq The Sunday Times li hemm suspett fuq negozjant. Ġie interrogat? Ma ġiex. Issemma intermedjarju. Ġie investigat? Ma ġiex. Kien hemm allegazzjoni li l-Ministru Cardona ltaqa’ ma’ wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Ġie interrogat? Naf fiċ-ċert li ma kienx,” jallega Aquilina.

“Għalina dan huwa xokkanti. M’għandekx tagħmel distinzjoni bejn politiku u persuna oħra. Għalhekk nemmnu li l-affarijiet mhux qed isiru sew.”

U jerġa’: “jiena ċert li m’hemmx rieda li jinqabad il-mandant,” reġa’ allega Aquilina.

Imma din mhix stqarrija riskjuża li qed jagħmel? Issa jekk jinqabad il-mandant (u nisperaw f’Alla li jinqabad) mhux ovvja li dan il-kliem se jiġi kollu għal wiċċu?

“Ifhem, jiena nifhem li finalment se ssir ġustizzja, minkejja li hemm Joseph Muscat,” jgħid Aquilina li jerġa’ jirrepeti illi b’dak kollu li għamel il-PM qed juri li ma jridx li l-mandant jinqabad.

“Kważi kulħadd jirrikonoxxi li hawn korruzzjoni kbira imma ħafna jgħidu li m’hemmx mod ieħor. Dan huwa li qed nippruvaw inbiddlu aħna. Biex min għandu jħallas, iħallas.”

More in Intervisti