‘Ta’ tliet snin, Kendra diġà telgħet 10 darbiet l-Ingilterra’

Kendra. F’Awwissu tas-sena li għaddiet irriżulta li kellha tumur f’għajnha tax-xellug. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ ommha li titkellem magħna dwar dak li għaddew minnu u l-għajnuna li rċevew mingħand il-Malta Community Chest Fund Foundation

Joeline Cassar, omm Kendra
Joeline Cassar, omm Kendra

Kull omm tħoss għal uliedha! Jekk se tara lil uliedha ma jifilħux jew għaddejjin minn xi problema, x’aktarx li se żżomm kollox ġo fiha, tibki waħedha, biex lil uliedha tagħmlilhom kuraġġ. Iżda xi drabi, anke jekk għaddejjin minn tbatija kbira, huma l-istess tfal li jimlew lill-omm bil-kuraġġ.

Din hija l-istorja ta’ Joeline u Kendra, tifla ta’ 3 snin, li f’Awwissu tas-sena li għaddiet mardet b’tumur f’għajnha x-xellugija.

Il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Joeline Cassar, omm Kendra, li spjegat kif sa qabel Awwissu tas-sena li għaddiet, qatt ma bassret minn xiex kienet se tgħaddi l-familja tagħha.

Spjegat kif Kendra mardet normali b’riħ u ħaditha l-klinika għand it-tabib. Iżda t-tweġiba tat-tabib qalbet ta’ taħt fuq il-ħajja ta’ Joeline, Kendra u l-familja tagħhom.

“Malli t-tabib ra lit-tifla, qalli li mhux ir-riħ kien qed jinkwetah iżda għajnejn it-tifla. Kif qalli hekk bsart li hemm xi ħaġa. Kont ilni nissuspetta,” kompliet tispjega Joeline.

Issa xi ftit qed tħossha. Hemm diska tat-tfal tgħid: ‘I have two eyes.’ Darba daret fuqi u qaltli: ‘mummy I have one eye

Fil-fatt, qabel din il-vista, Joeline kemm-il darba staqsiet lit-tabiba tat-tifla jekk hemmx xi ħaġa ħażina f’għajnejn Kendra. “Kont nara qisni dell f’għajnejha x-xellugija,” spjegat Joeline li sa dak iż-żmien kienet tissuspetta li kienet sempliċi kataretta, anke jekk it-tabiba tagħha dejjem qaltilha li qed tiffissa u li d-dell kien sempliċiment ‘birth mark.’

Kompliet tirrakkonta kif it-tabib tal-klinika mill-ewwel qalilha biex tieħu t-tifla malajr l-Isptar għax Kendra, minn dik l-għajn ma kienet qed tara xejn. It-tifla kienet għadha żgħira ħafna. Ma tafx tilmenta li mhux qed tara, spjegat Joeline, anke għax Kendra ma kienet tħoss xejn, lanqas uġigħ.

L-għada, Joeline, ħadet lit-tifla l-isptar biex jinvistaha t-tabib tal-għajnejn. “Malli raha, rajtu ppanikjat u telaq jiġri u rritorna ma’ tabib ieħor,” kompliet Joeline. “Reġa’ invistaha u beda jikteb. Mill-kliem kollha li beda jikteb għaraft biss kelma waħda. Tumur.”

Kendra
Kendra

Lil Kendra, poġġewha ġo ward u filgħaxija waslet l-aħbar li l-ebda omm ma trid tisma’ fuq uliedha.

‘Minn lejl għal nhar sibna ruħna l-Ingilterra’

“Wasal it-tabib u qalilna li Kendra kellha tumur u li l-għajn trid titneħħa,” kompliet tirrakkonta bid-dmugħ f’għajnejha. “Ħassejt xokk kbir. Għidtlu ma rridx nisma’ aktar.”

Minn hemm, Joeline indunat li ħajjithom kienet inqalbet ta’ taħt fuq. Malta l-operazzjoni ma ssirx u għalhekk it-tabib spjegalhom li kellhom jitilqu l-Ingilterra.

“L-għada filgħodu ċempluli u qaluli biex inlesti l-affarijiet għax kellna nsiefru. Trid tippakkja. Ridt inħalli warajja ż-żewġt itfal l-oħra. La kelli passaport tat-tifla. Ġenn kbir,” kompliet Joeline.

Joeline Cassar
Joeline Cassar

Iżda quddiem il-mard tinsa kollox. Ftit sigħat wara, kienu fuq l-ajruplan sejrin l-Ingilterra fejn qattgħu erba’ ġimgħat sħaħ.

Malli waslu, il-professuri li kellhom joperaw lil Kendra, spjegaw lil Joeline u lill-familja tagħha li t-tumur li kellha t-tifla kien fl-aktar livell avvanzat u għalhekk l-operazzjoni kellha ssir immedjatament.

“Ma stajtx nemmen! Normalment dan it-tumur huwa ġenetiku iżda aħna ma kellna lil ħadd fil-familja li kien marad b’tumur f’għajnejh,” kompliet Joeline waqt li spjegat it-tbatija li għaddiet minnha Kendra wara l-operazzjoni.

‘Meta waqgħalha xagħarha ħassitha’

Lanqas ridt nemmen lil widnejja meta Joeline qaltilna li minn Awwissu tas-sena li għaddiet, lil Kendra kellhom isifruha għaxar darbiet għax kif wieħed jista’ jimmaġina, Kendra kellha bżonn tmien ċikli ta’ kimoterapija, apparti testijiet regolari.

Tant kemm it-tumur kien f’livell avvanzat, li l-ewwel kimoterapija ma ħadmitx u kellhom jagħtuha kimoterapija aktar qawwija.

Vera li dak iż-żmien kellha inqas minn sentejn, iżda l-fatt li bil-kimoterapija waqgħalha xagħarha ħassitha wisq. “Hi ma kinitx taf x’inhi l-marda. Iżda li waqgħalha xagħarha ħassitha ħafna,” qaltilna Joeline.

Ta’ tliet snin, kapaċi taqla’ waħedha l-prostesi ta’ għajnejha u taħsilha. Jien ma kellix kuraġġ! Hi għamlitli l-kuraġġ kollu

Anke jekk Kendra fieqet, trid tibqa’ titla’ l-Ingilterra għat-testijiet sakemm ikollha 18-il sena. L-ewwel ftit xhur kienu jitilgħu kull xahar u nofs jew xaharejn u issa qed jitilgħu kull sitt xhur biex il-professuri jeżaminaw l-għajn l-oħra ta’ Kendra minħabba li hemm it-tendenza li dan it-tumur ifeġġ fiż-żewġ għajnejn.

Fil-każ ta’ Kendra, x’aktarx li t-tumur żviluppa f’għajn waħda flok fit-tnejn minħabba li t-tumur mhux ġenetiku, jiġifieri ma hemm ħadd fil-familja tagħha li kellu tumur simili.

‘Għandi żewġ subien u ma’ Kendra ma jlaħħqux’

Iżda llum il-ġurnata Kendra kif inhi? Malli staqsejt din il-mistoqsija, it-ton tal-intervista nbidel kompletament. Wiċċ Joeline xegħel u bdiet tirrakkonta l-kuraġġ u l-ferħ li Kendra timla bih lil kull min jiltaqa’ magħha.

“Kendra llum tifla normali, biex ma ngħidlekx aħjar! Għandi żewġ subien oħra u ma jlaħħqux magħha,” qaltilna Joeline.

Mistoqsija jekk qattx ilmentat dwar il-fatt li tara biss minn għajn waħda, Joelene saħqet li hi drat ma tarax minn din l-għajn.

“Hi taf li minn għajn waħda ma tarax. Ġieli tħossha wkoll. Hemm diska tat-tfal tgħid: ‘I have two eyes.’ Darba daret fuqi u qaltli: ‘mummy I have one eye,” irrakkontatilna Joeline. “Ġieli kienet tarani nibki u ta’ sena u ħdax-il xahar tistaqsini jekk hux qed nibki minħabba għajnejha.”

‘Lili hi għamlitli l-kuraġġ kollu…għandi mara’

Iżda dan ma jbiddel xejn mill-karattru sabiħ u allegru li għandha Kendra.

“Din il-ħaġa lilha ma ddejjaqha xejn! Ta’ tliet snin taqla’ waħedha l-prostesi ta’ għajnejha u taħsilha. Għall-bidu għalija kienet xi ħaġa tal-biża’. Jien ma kellix kuraġġ! Hi għamlitli l-kuraġġ kollu,” kompliet Joeline. “Lilha qatt ma taraha mdejqa. Kienet tibki bl-uġigħ! Iżda llum naraha wisq ferħana anke jekk dieħla u ħierġa l-isptar,” kompliet Joeline. ‘Il-ward iħobbuha wisq, għax hi ċajtiera u tgħidx kemm iddaħħaqhom! Kulħadd iħobbha! Mara għandi biha.”

Min jgħidli biex nagħmel kuraġġ kont ngħid li qed jgħid hekk għax mhux qiegħed fuqu. Iżda llum nemmen li l-kuraġġ kollox

Kull omm tipprova tpoġġi lil uliedha fuq it-tajjar, aħseb u ara meta jkunu għaddew minn dak li għaddiet Kendra. Hekk kienet tagħmel għall-bidu Joeline iżda tgħallmet li aktar mhu se tgħallimha tkun indipendenti, aktar se trabbi qoxra u tkun kapaċi tfendi għal rasha.

“Ħdejn ħutha akbar minnha, Kendra indipendenti ħafna. Ta’ tliet snin anke tinħasel waħedha tkun trid,” kompliet tirrakkontalna Joeline.

‘Agħmlu kuraġġ! Taqtgħux qalbkom’

U lil dawk l-ommijiet, li għaddejjin minn sitwazzjoni simili, Joeline x’tgħidilhom?

“Mhux faċli! Iżda jekk mhux se jkollkom kuraġġ intom mhux se jkollhom kuraġġ it-tfal. Għall-bidu bdejt nistaqsi lili nnifsi imma possibbli għaddejjin minn dan kollu. Lanqas kont naf li tlajna l-Ingilterra. Imma mbagħad ikollok tagħmel il-kuraġġ. Agħmlu kuraġġ! Jien għall-bidu ma ridtx nismagħha. Min jgħidli biex nagħmel kuraġġ kont ngħid li qed jgħid hekk għax mhux qiegħed fuqu. Iżda llum nemmen li l-kuraġġ kollox,” weġbitna Joeline.

‘Kieku ma kienx għal MCCFF Kendra forsi mhux imfejqa’

Kendra telgħet l-Ingilterra, għamlet l-operazzjoni u rċeviet il-kura li kien hemm bżonn, bis-saħħa u bl-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund Foundation.

Joeline spjegat li ż-żmien meta Kendra kellha tirċievi l-kura, kien wieħed diffiċli ħafna għall-familja tagħha, anke għax kienu jiddependu minn paga waħda u inzertaw kienu qed jirranġaw id-dar.

“Jiena kont ngħid kif jista’ jkun jgħinu lil dawn in-nies kollha! Imma kif tmur tkellimhom se ssib ħafna nies jgħinuk,” saħqet Joeline.

U kieku kellha tgħidilhom kelma waħda xi tkun? “Grazzi ħafna! Kieku ma kontux intom, illum il-ġurnata Kendra abbli mhix imfejqa.”

Fil-fatt, Kendra se tkun waħda mill-protagonisti tal-maratona ġbir ta’ fondi: L-Istrina 2018, li bħas-snin li għaddew se ssir l-għada tal-Milied, fis-26 ta’ Diċembru.

Dakinhar, kun int ukoll parti mill-Istrina li tibda tixxandar f’nofsinhar  u tibqa’ għaddejja sa nofsillejl. Bl-għajnuna tiegħek, tfal u persuni oħra bħal Kendra jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna u min jaf, forsi bħal Kendra, ifiequ wkoll.

Intant, jekk trid tgħin lill-Malta Community Chest Fund Foundation, kemm bid-donazzjoni tiegħek, jew inkella billi tissieħeb bħala volontier jew tgħaddi s-suġġerimenti tiegħek, tista’ żżur is-sit www.mccff.org.mt.

Tista’ wkoll tibgħat email fuq [email protected] jew iċċempel fuq 79010900 jew 21226226.

Għal aktar tagħrif tista’ żżur ukoll il-paġna ta’ Facebook MCCFFmalta jew inkella l-Istrina.

More in Intervisti