Delia: 'Jien, la għandi problemi finanzjarji u lanqas kontijiet il-Panama’

Iffaċċjat bi kritika ma taqtà xejn, speċjalment minn Daphne Caruana Galizia, Adrian Delia jgħid lill-ILLUM li hu m'għandux x'jaħbi, m'għandux problemi finanzjarji u li dak kollu li qed jinqala' dwaru huwa 'a storm in a teacup' 

Adrian Delia mal-Viċi Kap uxxenti tal-PN Mario Demarco
Adrian Delia mal-Viċi Kap uxxenti tal-PN Mario Demarco

Il-Kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN Adrian Delia eskluda b’mod assolut illi hu għandu jew qatt kellu kontijiet jew kumpaniji barra mill-pajjiż. Mistoqsi mill-Editur tal-Editur tal-gazzetta ILLUM Albert Gauci Cunningham, jekk apparti l-assi/djun f’Malta huwa għandux kontijiet jew saħansitra kumpaniji f’ġurisdizzjonijiet barranin, Delia ċaħad dan kategorikament.

“Niddikjara b’mod solenni li m’għandix kont fil-Panama, Isle of man, l-Iżvizzera jew xi pajjiż ieħor. Qatt ma kelli u qatt ma pruvajt ikolli la kontijiet u la kumpaniji barra l-pajjiż,” sostna Delia li bħalissa qiegħed taħt attakk kontinwu minħabba li m’għamilx dikjarazzjoni tal-assi tiegħu, bħalma għamlu Chris Said u Alex Perici Calascione. 

‘Dan kollu għaġeb għalxejn...storm in a teacup’

Waqt l-intervista li xxandret fuq l-istazzjon Smash, Delia ppreċiża li hu qatt ma kellu investimenti barra l-pajjiż u li kull investiment u anke dejn li għandu huwa marbut ma’ banek lokali.

Kienet Daphne Caruana Galizia, fil-blogg tagħha li huwa segwit minn ħafna mill-għeruq u segwaċi tal-PN, illi żvelat kif Delia għandu sehem f’kumpanija li għad għandha €7 miljuni dejn fuq żvilupp li sar 11-il sena ilu fl-Imġarr Għawdex. Din l-aħbar kienet segwita minn reazzjonijiet diversi, fosthom tal-eks Kandidat tal-PN u artikolista fuq il-gazzetta ILLUM Joe Ellis li talab lil Delia biex jirtira mill-kandidatura tiegħu għax il-qagħda finanzjarja tiegħu “ma tagħmlux idoneu” biex jokkupa l-ogħla kariga tal-PN. 

l-ewwel jakkużawni li jien qrib in-negozjanti u li akkumulajt l-miljuni u issa qed jakkużawni li jien fallejt. X’għandu Frank Portelli jiena ma nafx. Jien naf biss li jien problemi finanzajri m’għandix Adrian Delia

Waqt l-intervista, Delia sostna li Joe Ellis “lili ma jafnix, imma Ellis suppost jaf għax avukat li jekk hemm tnejn minn nies ma tistax titfagħhom f’keffa waħda. Jien m’għandix problemi finanzjarji u qatt ma kelli problemi finanzjari,” saħaq b’risposta għall-artiklu ta’ Ellis li deher fuq din il-gazzetta l-ġimgħa l-oħra. “Mela sewwa, l-ewwel jakkużawni li jien qrib in-negozjanti u li akkumulajt l-miljuni u issa qed jakkużawni li jien fallejt. X’għandu Frank Portelli jiena ma nafx. Jien naf biss li jien problemi finanzajri m’għandix.” 

Mistoqsi għalfejn allura, fid-dawl tal-istqarrijiet tiegħu stess ta’ stat finanzjajru tajjeb, għalfejn ma ddikjarax l-assi tiegħu u jekk dan ma sarx għax għandu x’jaħbi, Delia qal li dan kollu huwa għaġeb għalxejn, “a storm in a teacup”. “Jien m’għidtx li ma rridx li niddikjara l-assi tiegħi, in-nies għandhom dritt ikunu jafu. Fil-fatt, jien xtaqt li jkun hemm due diligence fuq kull min juri interess fil-kariga, man-nomina stess, anke jekk il-PN ma jitlobx li jsir dan. Jien xtaqt li jkun hemm enhanced due diligece, bi skrutinju mill-partit stess, simili għal dak li kont għamilt fil-futbol għal kull min ikun irid jirrapreżenta klabb. Jien għidt li jien mhux biss niddikjara l-assi imma d-djun ukoll....”

Minkejja li qed jiddikjara li hu lest jikxef il-karti kollha, xi ħaġa li fil-fatt qal li se jkun qed jagħmel eventwalment permezz ta’ kumpanija ta’ awdituri, huwa fakkar li dan l-eżerċizzju qatt ma sar qabel, “la qatt sar fil-PL u lanqas meta kien elett Lawrence Gonzi jew Simon Busuttil.”

“Fuq il-programm Xtra,” ikompli jgħid Delia, “prattikament iddikjarajt dak kollu li għandi. Id-dar tiegħi, kmamar u għelieqi bħala country residence bejn is-Siġġiewi u r-Rabat. Għandi d-ditta tieghi (Aequitas Legal – fi sħab ma’ Georg Sapiano), 40% minn kumpanija ċkejkna li timporta l-inbid ma’ ħabib antik tiegħi u 9% minn kumpanija li għandha proġett wieħed tal-proprjetà f’Għawdex. M’għandix kontijiet barra minn Malta, m’għandix sħubija ma’ ħadd mill-Partit Laburista, jekk għandi djun dawn ma’ banek lokali...m’hemm xejn li mhux trasparenti.”

Imma minkejja li ddikjara kollox, fuq programm u mhux b’mod formali, xorta jibqa’ l-fatt li fl-ebda ħin ma ddikjara li għad għandu €7 miljuni f’dejn fuq proġett partikolari li għad iridu jitħallsu 11-il sena sħaħ wara t-tlestija tal-istess proġett. Delia x’għandu xi jgħid?

Huwa jfakkar illi l-kumpanija Mġarr Developments Ltd., għalkemm vera għandha dejn li jlaħħaq is-€7 miljun “għandha assi ta’ aktar minn hekk. Hemm ħafna iktar bejgħ xi jsir u li huwa ħafna iktar minn dan id-dejn.”

Huwa l-PN li se jagħmel l-aġenda tiegħu u l-aħbar tiegħu, mhux jiġri wara l-aħbar ta’ ħaddieħor Adrian Delia

Intant Delia sostna wkoll illi huwa se jagħmel dikjarazzjoni, “li se ngħaddiha lill-awdituri, nitlobhom jikkonfermaw  li dak li għidt jien huwa minnu u jkolli dokument serju u komplut u trasparenti dwar il-qagħda finanzjarji. Ħadt loans, iġġilidt u ħdimt biex għandi li għandi,” jassigura Delia waqt l-intervista. “U jekk elett kap tal-partit, minn dan kollu li qed jissemma mhu se jifdal xejn. Għidt ukoll, imma hemm min qed jagħżel li jinsa,” jkompli jgħid Delia “li jien bdejt il-proċess diġà li nbigħ kollox. Ifhem int ma tistax tneħħi dak kollu li għamlit f’25 sena, f’10 ġimgħat ta’ kampanja...imma jekk ma nkunx elett fil-kariga ma nkunx żvestejt ruħi minn dak kollu li kelli.”

Intant fl-aħħar tal-intervista ta’ 20 minuta Delia kien mistoqsi x’rabtiet jixtieq li jkollu mal-ġurnalista Daphe Caruana Galizia, li wara kollox hija segwita u mogħtija ħafna kredibbilità minn ħafna nies li jappertjenu lill-Partit Nazzjonalista. Hu beda billi rrikonoxxa li “Caruana Galizia għamlet xogħol siewi ħafna. Ma’ DCG ikolli relazzjoni bħalma jkolli ma’ kull ġurnalist/a oħra.” Delia żied jgħid iżda illi “bħala stat ta’ fatt għidt ukoll illi l-PN huwa l-kunsillieri, it-tesserati u li se jkun il-Partit Nazzjonalista li jagħmel l-aġenda tiegħu. Huwa l-PN li se jagħmel l-aġenda tiegħu u l-aħbar tiegħu, mhux jiġri wara l-aħbar ta’ ħaddieħor.” 

More in Intervisti