Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

‘Miegħi Muscat moħħu mistrieħ, niflaħ għall-piż’

L-elezzjoni għal Deputat PM...il-finanzi u s-settur finanzjarju u l-Partit Laburista wara rebħa storika oħra...u Scicluna jrid isir Deputat Mexxej biex fi ftit snin oħra jikkontesta l-kariga ta' mexxej tal-PL? 

Albert Gauci Cunningham / 4 ta' Lulju 2017 08:59
Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna | ritratt: James Bianchi
Meqjus bħala wieħed mill-aktar Ministri tal-Finanzi kompetenti u wieħed mill-aktar uċuħ prominenti fil-kampanja elettorali Laburista. Edward Scicluna, kien elett b’7,242 vot minn żewġ disretti fl-aħħar elezzjoni biex kien it-tielet kandidat li l-aktar illi ġab voti, meta taqta’ liż-żewġ mexxejja u żied it-total ta’ voti tiegħu b’3,387 vot.

Hawn qbil kważi unanimu illi Scicluna huwa Ministru kompetenti, anke jekk hemm min fil-PN li jargumenta illi l-kompetenzi tiegħu huma minfuħin iż-żejjed, kif hija perċezzjoni popolari wkoll illi Scicluna mhux politikant ‘tat-triq’ li jmur iħabbat il-bibien tan-nies. Allura x’fettillu jikkontesta elezzjoni għat-tieni l-ogħla kariga fil-PL u biex ikun fit-tieni l-ogħla kariga fit-tmexxija tal-pajjiż?

“Jien meta nagħmel xi ħaġa nagħmilha bis-serjetà,” sostna mill-ewwel Scicluna li fakkar kif lura għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2009 huwa kellu kampanja qawwija u professjonali li ratu jħabbat il-bibien tal-familji, bi programm televiżiv, messaġġ ikkoordinat fuq il-midja soċjali u saħansitra fotografu tal-kampanja. L-istess fl-2013 u anke issa, fl-2017, anke jekk kienet kampanja iqsar min-normal.

Imma Scicluna, jew l-impressjoni ta’ ħafna dwaru mhix ta’ politiku li se jaċċetta faċilment talbiet nepotisti, speċjalment jekk inġusti. “Jiena sensittiv għall-bżonnijiet tan-nies u huwa pjaċir tiegħi li nkun milqugħ fi djarhom. Inti taqdi n-nies billi ddawwar l-ekonomija, toħloq ix-xogħol, billi provdejna ċ-child care u rajna ħafna familji mexjin ’l quddiem. Hekk qdejna lin-nies. Imbagħad għal affarijiet aktar personali jew indiviwali hemm il-customer care. Jiena f’xogħli bħala Ministru tal-Finanzi għandi l-ħin niltaqa’ ma’ gruppi u għaqdiet, għal affarijiet individwali hemm strutturi apposta.”

‘Jien mhux teknokratiku...jiena Soċjalist’

Perċezzjoni oħra popolari ta’ Scicluna hija li huwa persuna teknokratika, maqtugħa mill-istrutturi tal-partit. Scicluna jiċħad dan bil-qawwa u jmur lura għas-snin ta’ meta kien student ma’ Lino Spiteri, fost oħrajn. “Dejjem ħsibna għall-ħaddiem, qalbi dejjem kienet maż-żgħir imma fuq livell ta’ partit dejjem bqajt naħdem minn wara l-kwinti. Jekk kienx rapport dwar il-Lira Maltija u ż-żejt li kien talabni nagħmel l-eks PM Dom Mintoff, jekk hux pariri lil Alfred Sant dwar risposti fuq il-baġit. Imbagħad dħalt fil-politika meta Joseph Muscat sar Mexxej tal-Partit Laburista. Dak li ridt nagħmel, għamiltu fil-bank Ċentrali, pereżempju, u ħassejt li kien wasal il-mument li naħdem biex insaħħaħ il-viżjoni ta’ Joseph Muscat.”

‘Muscat talabni biex nifforma front miegħu’

Scicluna sostna li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali m’għamilhiex fatta li se jkun kandidat u fil-fatt mar fuq Muscat u talbu jekk iridux joħroġ.

“Muscat kien staqsieni jekk hux qed niċċajta u qal illi hu xtaq li flimkien miegħu nifforma parti mill-front elettorali (tal-Partit Laburista)”.

Waqqaftu u rrimarkajtlu illi minn kliemu donnu qed jagħti l-impressjoni illi Muscat qed jappoġġja lilu f’din it-tiġrija, li tinkludi wkoll lill-Ministri Chris Fearne u Helena Dalli. “Iva hu talabni, talabni noħroġ (għall-elezzjoni ta’ Deputat Mexxej), mhux għax jiena ma ridtx imma jien m’għandi l-ebda ambizzjoni li nkun Kummissarju fi Brussell jew Prim Ministru,” tkun ir-risposta ta’ Scicluna.

“Muscat kien komdu b’Louis Grech, għax ma kellux l-ambizzjoni li jkun PM,” saħaq Scicluna. “Miegħi d-delegati moħħhom mistrieħ li meta u jekk qatt ikun hemm tiġrija għal xi kariga, mhux se jsibu kompetitur fija.”

“Jien mhux se nkun qiegħed hemm nistenna l-opportunità biex nieħu t-tmexxija tal-partit, kif kellu l-PN fiż-żewġ Viċi Kapijiet tiegħu.” Scicluna mbagħad ikompli jgħid illi jemmen li fih Muscat se jsib forċina, “jekk ikolli bżonn nitkellem mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerika Muscat se jsibni, jekk se jkun hemm bżonn li nitkellem mal-Ministru tal-Finanzi Ġermaniż jaf li se mmur, kif mort meta kien hemm bżonn niddefendi isem pajjiżna mill-attakki li kienu qed isiru fuq is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ pajjiżna. Jiena nemmen li kapaċi nipprovdi riżorsa lill-Prim Ministru, mhux inkun vażun ornamentali tat-tiżjin.”

"Min se jneħħi Gvern li joħloq il-ġid, li jqassmu b’mod ġust u jagħti d-drittijiet? Jekk ikompli jwettaq ikun Gvern Laburista biss li jista’ jwaqqa’ lilu nnifsu, mhux xi ħadd iniżżlu mill-Gvern"
“Miegħi Muscat moħħu mistrieħ, niflaħ għall-piż.”

Nistaqsih allura jekk dan kollu li qed jgħid ifissirx li qed jeskludi b’mod definittiv li jikkontesta l-kariga ta’ Mexxej tal-PL meta din tiġi vakata, bit-tweġiba tkun, “iva neskludi kompletament.”

Il-Moviment Laburista għandu ħajja tiegħu nnifsu

Nistaqsi lil Scicluna jekk iħossx li kienet xi ftit prematura jew jekk kinitx nieqsa mill-għaqal l-istqarrija ta’ Muscat li mhux se jerġa’ jikkontesta elezzjoni ġenerali oħra. “Qed ikun ġust u qed jgħid dak li dejjem qal,” sostna Scicluna f’referenza għall-fatt illi Joseph Muscat dejjem sostna li l-pjan tiegħu huwa li jibqa’ Prim Ministru tal-pajjiż għal 10 snin. “Naturalment ħoloq xokk u dilemma, imma kien ġust mal-elettorat kif dejjem kien.”

Scicluna kompla jispjega kif il-Moviment Laburista llum għandu ħajja tiegħu nnifsu. “Mibni fuq il-progress ekonomiku, il-progress soċjali b’libertajiet ġodda, fuq l-idea li tiġġenera l-ġid u taħseb għaż-żgħir, fuq il-kunċett favur ix-xogħol. Vera li l-kampanja kienet mibnija fuq Muscat. Imma l-moviment qed jikber u qed jikkrea ħajja għalih innifsu, b’mod illi kapaċi jfittex u jsib min imexxih.”

Bħala Ministru ffaċċjajt tliet maltempati

Nerġa’ ndawwar naqra s-suġġett fuq il-kompetenzi ta’ Scicluna bħala Ministru. Hemm min iħoss u jgħid illi s-suċċessi li kiseb Scicluna, kisibhom għax sab is-sodda mifruxa u għax baħri tajjeb fil-bnazzi. Imma meta jasal il-maltemp, kemm se jibqa’ kompetenti Scicluna?

Il-Ministru u Deputat PM prospettiv, b’nofs daħka jirrifjuta dan l-argument u jwieġeb; “mela ma kellniex maltemp, mela mhux bnazzi biss.” Jgħid illi kemm ilu hu Ministru tal-Finanzi, il-pajjiż iffaċċja tliet maltempati.

“L-ewwel kriżi li kellna fuq idejna huwa li Malta kienet iddaħlet fil-Proċeduri ta’ Baġit Eċċessiv u kellna nikkonvinċu lill-Unjoni Ewropea biex tagħtina nifs u ma nidħlux fi programm ta’ awsterità, kif daħlu pajjiżi oħrajn.”

Imma jkompli jgħid illi l-akbar kriżi u periklu li ffaċċjat Malta fl-ewwel erba’ snin ta’ Gvern Laburista kienet il-kriżi f’Ċipru. Dan għaliex meta s-sitwazzjoni f’Ċipru kienet resqet sew lejn kollass, il-midja Ġermaniża qalet li ‘issa Malta jmiss’, minħabba diversi similaritajiet  ġeografiċi u anke bankarji. “Kulħadd beda jċempel, kumpaniji Ġermaniżi bdew iċemplulhom mill-Ġermanja u jgħidulhom biex ineħħu kull ċenteżmu li għandhom Malta. Kien attakk ikrah u kriżi enormi. Min-naħa tiegħi, biex nilqgħu kemm nistgħu ltqajt ma’ diversi esperti, tkellimna u qattajna ġranet sħaħ, kuljum nevalwaw l-‘inflows’ u l-‘outflows’ tal-flus mill-banek Maltin.”

Scicluna jgħid ukoll illi apparti minn dan kollu, Gvern Laburista kellu wkoll battalja fid-Direttiva dwar l-Anti-Tax Avoidance, billi juri li se jikkoopera fil-ġlieda kontra l-evitar ta’ ħlas tat-taxxa imma fl-istess ħin li se jibqa’ fuq quddiem jipproteġi r-reġim ta’ taxxa f’Malta, approvat mill-Unjoni Ewropea.

Għal ftit mumenti, id-diskors jaqa’ fuq il-Malta Files, li kif ifakkar Scicluna ma kien żvelar tal-ebda informazzjoni li ma kinitx diġà pubblika. “Din ma kienet leak xejn. Bnew storja fuq il-bagalja li dehret fuq in-Net u l-bastimenti u l-jotts kbar li jidħlu f’pajjiżna. Naturalment, sabuna mifrudin. Konna dejjem żammejna ma’ ftehim mill-1994, imma f’din il-kampanja ma żammejniex miegħu u min ried jagħmel il-ħsara, għamilha.” Scicluna kien qed jirreferi għall-ftehim bejn iż-żewġ partiti biex is-settur finanzjarju ma jintużax bħala ballun politiku, minħabba l-vulnerabbilità tiegħu fid-dawl ta’ interessi partikolari minn diversi pajjiżi oħrajn fl-UE.

“Saret ħsara kbira lil pajjiżna,” jasserixxi Scicluna li jkompli jgħid illi dawk li jaħdmu fil-qasam finanzjarju “daħlu f’qoxorthom u ma tkellmux quddiem dan l-attakk bla preċedent. Allura qam paniku u biża’ tal-prospetti fil-qasam finanzjarju jekk jerġa’ jkun elett Gvern Laburista.”

Għall-mistoqsija ta’ din il-gazzetta Scicluna jisħaq illi kieku l-kampanja elettorali kienet waħda twila l-pajjiż kien ikun fil-periklu ta’ instabbilità enormi. “Tinsiex li għandna Oppożizzjoni konvinta li hi biss għandha dritt tigverna u li Gvern Laburista huwa aberazzjoni. L-idea tal-PN kienet mhux li tikkritika, imma li twaqqa’ l-Gvern.”

“Fid-dawl ta’ build up ta’ paniku li kien qed jinħoloq, kienet xi ħaġa għaqlija li morna għall-elezzjoni. Jien inħoss li ma kienx hemm għalfejn issir ħsara daqshekk lil pajjiżna għall-konvenjenza politika.”

"Inti taqdi n-nies billi ddawwar l-ekonomija, toħloq ix-xogħol, billi provdejna ċ-child care u rajna ħafna familji mexjin ’l quddiem. Hekk qdejna lin-nies"
Ma jaħsibx li Busuttil kien il-persuna idonea

Scicluna qed jitkellem dwar ħsara għall-pajjiż u attentati biex Gvern Laburista, elett demokratikament ikun imwaqqa’. Qed jitkellem dwar attakki bla preċedent fuq l-istituzzjonijiet. Allura b’dan kollu li qed jgħid xi jkun il-ġudizzju tiegħu ta’ Simon Busuttil, issa li l-karriera qasira tiegħu bħala Kap tal-PN riesqa lejn it-tmiem? “Lil Simon Busuttil kont nafu mill-Parlament Ewropew, minn qabel ma’ kien elett kap tal-PN. Inħoss li għas-sitwazzjoni li kien fiha l-PN fl-2013, b’partit finanzjarjament fallut u tgerfix b’ambizzjonijiet ta’ tmexxija mid-Deputati Kapijiet, Simon Busuttil ma naħsibx li kien il-persuna idonea (‘he wasn’t the right person’)

Bżonn ta’ strutturi għal komunikazzjoni mad-delegati u l-poplu

L-intervista terġa’ ddur fuq kwistjonijiet iktar ‘tal-partit’ b’Scicluna jisħaq bosta drabi li hemm bżonn illi l-partit joħloq strutturi, bħal m’hemm f’Parlamenti Ewropej illi permezz tagħhom ikun hemm kuntatt bejn iċ-ċittadin u l-politiku li jirrapreżentah.

"Miegħi d-delegati moħħhom mistrieħ li meta u jekk qatt ikun hemm tiġrija għal xi kariga, mhux se jsibu kompetitur fija"
Scicluna, simili għal dak li kien propost ukoll fil-kampanja għal Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, qed jipproponi li tinħoloq struttura li ġġib liċ-ċittadin u min jirrapreżentah, jew inkella l-uffiċjal elett flimkien f’laqgħat li jkunu ’l bogħod mill-għajnejn tal-midja.

Il-kolla li żżomm lill-Partit Laburista b’saħħtu

Wasalna fit-tmiem tal-intervista u nfakkru illi l-kolla li qed torbot lill-Partit Laburista u dawk il-170,000 li fl-aħħar elezzjoni vvutawlu hija l-ekonomija u l-mod kif il-ġid li qed jinħoloq qed jitqassam. Jekk pajjiżna jesperjenza perjodu mhux daqstant pożittiv ekonomikament jew ikun hemm xi kriżi fl-UE li taffetwa s-swieq tagħha, il-kolla ddub?

Scicluna jfakkar illi l-Gvern f’kull baġit jippreżenta pjan ta’ assesjar tar-riskji. “Imma aħna qed niffokaw iktar fuq żvilupp li jkun ekwu, qed naraw li l-infrastruttura pereżempju titjieb b’mod li tirrifletti t-tkabbir ekonomiku. Minkejja t-tkabbir għad għandna ċerti affarijiet neqsin li ma jixirqux f’ekonomija li qiegħda dejjem tikber.”

Chris Fearne, f’intervista mal-ILLUM ippubblikata fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd li għadda, wiegħed li se jagħmel minn kollox biex il-PL jirbaħ u jerġa’ jirbaħ. Scicluna kif jista’ jwiegħed l-istess? “L-ewwel nett il-poplu wera li mhux lest illi jbiddel żiemel rebbieħ nofs triq. Issa meta ngħidu nofs triq qed ngħidu nofs il-partita. Imma dan ma jfissirx li Gvern Laburista sa ħames snin oħra u daqshekk. Imbagħad tibda partita oħra.”

“Jekk Gvern Laburista jkompli jwettaq, joħloq il-ġid u jkompli joħloq soċjetà iktar inklussiva ħadd ma jniżżlu minn hemm. Min se jneħħi Gvern li joħloq il-ġid, li jqassmu b’mod ġust u jagħti d-drittijiet? Jekk ikompli jwettaq ikun Gvern Laburista biss li jista’ jwaqqa’ lilu nnifsu, mhux xi ħadd iniżżlu mill-Gvern.”

Scicluna jtemm jgħid li “maġġoranza ta’ 40,000 ma jfissirx li kollox lura għan-normal. Kien hemm min ried jagħti tbeżbiża. Issa ejja nitkellmu, ħalli naraw x’seta’ ġara...u mhux neċessarjament fil-pubbliku jew permezz ta’ eżerċizzju bħal ‘Gvern li Jisma’’.  Jeħtieġ ukoll li nżommu għajnejna miftuħin il-ħin kollu, nipprevedu dejjem affarijiet li jistgħu jagħtu isem ħażin. Aħna f’dan il-Ministeru hekk għamilna...u hekk għandu jagħmel kull Ministru.”

Albert Gauci Cunningham, 32 sena, ġie appuntat Editur tal-gazzetta Illum u tas-sit illum.com.mt f'Ġunju tal-2015. Gauci Cunningham kien ġurnalista mal-Union Print. Gauci Cunningham jispeċjalizza l-aktar fi stejjer analitiċi-politiċi u anke soċjali li l-gazzetta ILLUM issa saret iktar popolari għalihom, kif ukoll fi stejjer relatati ma' politika nazzjonali u internazzjonali. Gauci Cunningham irraporta minn diversi Istituzzjonijiet Ewropej. Għall-qalb Gauci Cunningham hemm kwistjonijiet soċjali, fosthom il-faqar, il-kirjiet u l-ġustizzja soċjali.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook