Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija

‘Kburi li jien Xagħri izda daqstant ieħor kburi li jien Għawdxi’ - Joe Cordina

“Għawdex għadu kemm għadda minn 25 sena ta’ tmexxija fuq stil ta’ parrinu u biex tibdel mentalita ta’ poplu trid ħafna iktar minn erba snin.”

John Busuttil / 29 ta' Mejju 2017 09:21
Joe Cordina hu magħruf f’Għawdex bħala ċ-ċerman tal-Gozo Channel u s-sindku tax-Xagħra, “Ix-Xagħra huwa raħal twelidi, ir-raħal fejn trabbejt u għixt ħajti kollha. In-nies tax-Xagħra nafhom sew u kburi li jien Xagħri, iżda daqstant ieħor kburi ukoll li jien Għawdxi.” 

Cordina jemmen ukoll fil-politika li tfisser servizz lill-poplu, “Dejjem emmint f’dan il-prinċipju. L-għan politiku tiegħi kien, għadu u jibqa’ li nkompli naħdem bis-sħiħ għar-residenti kollha Għawdxin u għal-ġid tal-gżira Għawdxija.

“Jien ilni sindku tax-Xagħra għal-għaxar snin u nħosni lest li nkompli naħdem biex dak li għamilt għall-raħal twelidi, issa nkompli nwettqu għall-gżira Għawdxija. Apparti li jien Sindku, tul is-snin okkupajt diversi karigi oħra, fosthom ta’ President tal-GFA, teżorier tal-Gozo Business Chamber, Chairman tal-Grupp Azzjoni Għal-Għawdex u fil-preżent qed nokkupa il-kariga ta’ Chairman tal-Gozo Channel. Barra minn hekk il-professjoni tiegħi hija dik ta’ accountant u awditur publiku fejn din il-professjoni tlaqqani ma hafna nies tan-negozju u self-employed Għawdxin. Dan kollu għini biex nkompli nagħraf l-isfidi Għawdxin minn perspettiva aħjar. Nemmen li l-ħidma evidenti tiegħi tul is-snin sarfet biex inkun rikonnuxut mhux biss fix-Xagħra iżda anke madwar il-gżira Għawdxija.”

Il-fatt li Joe Cordina jaħdem fis-settur finanzjarju bħala professjoni jaf dan is-settur f’Għawdex hu dgħajjef komparat ma’ Malta, “L-isfond akkademiku u professjonali tiegħi huwa dak fil-finanzi u l-ekonomija. Filfatt jien ilni naħdem f’dan is-settur għal-aktar minn 35 sena, l-ewwel bħala bankier imbaghad bħala accountant u awditur publiku. Tul dawn is-snin, il-fatt li Għawdex tħalla jintelaq f’dan ir-rigward minn amministazjonijiet preċedenti ħalla konsegwenzi kbar kemm fuq l-ekonomija u s-soċjeta Għawdxija inġenerali.

“Iżda kien matul l-aħħar leġislatura, li wara tant snin erġajna bdejna naraw investiment barrani ġewwa Għawdex. Fil-fatt il-Gvern preżenti iddeċieda illi jagħmel fiber optic cable ieħor bejn Malta u Għawdex. Dan biex, Għawdex ikun f’pożżizjoni aħjar biex jattira ukoll kumpanji fis-settur Igaming. Jekk ningħata l-fiduċja nemmen li bil-kapaċitajiet tiegħi nista’ inkompli ngħin biex dak li inbena f’din il-leġislatura ikompli jippersisti tul is-snin li ġejjin.”

Sadattant hemm ħafna kritika li f’Għawdex ma sarx biżżejjed b’Cordina jgħid li sar ħafna meta mqabbel mal-amministrazzjoni ta’ qabel, “iżda xorta nemmen li għad baqa ħafna xi jsir. Nemmen  li l-ewwel prijorita hija dik li nkomplu naħdmu biex nattiraw aktar negozji jiftħu f’għawdex, kif ukoll insaħħu dawk in-negozji ġa stabbilti gewwa il-gżira Għawdxija biex b’hekk inkunu qed niggarantixxu aktar xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Nemmen ukoll li għandna nkomplu insaħħu is-settur tat-turiżmu ġewwa Għawdex, u naħdmu sabiex aktar cruise-liners iżuru il-gżira Għawdxija.”

 

Joe Cordina hu ċ-ċerman tal-Gozo Channel u kien hu l-ixprun li rnexxielu jgaħmel minn din il-kumpannija sors ta’ qliegħ u mhux ta’ telf kif kienet meta ħadha f’idejh, “Dan sar, filwaqt illi l-Gozo Channel kompliet ittejjeb is-servizz tal-vapur bejn Malta u Għawdex għal-ġid tar-residenti Għawdxin. Nemmen li iktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ser ikollna bżonn infrastrutura ġdida biex inkomplu niffaċilitaw il-ħajja tar-residenti Għawdxin. Nemmen li kif inhi is-sitwazzjoni preżenti tlett vapuri m’għadhomx biżżejjed biex ilaħħqu mad-domanda tan-nies li taqsam bejn Malta u Għawdex. Hu ghalhekk nemmen fil-fast ferry, u dan żgur ser jiffaċilita ħafna aktar il-ħajja tan-nies.  Filfatt jekk ningħata il-fiduċja, nagħmel l-almu tiegħi kollhu biex il-fast ferry service jibda jopera kemm jista jkun malajr u bl-iktar mod effiċjenti.” Cordina kompla jgħid li l-proġett tal-mina wkoll għandu importanza kbira għal gżira Għawdxija.

Bħala kandidat żgur li qed idur fid-djar tal-kostitwenti tiegħu, “Filwaqt li nixtieq nieħu l-opportunita biex nirringrazja lil dawk kollha li laqawni fi djarhom ilmaħt diversi problemi li wieħed jiltaqa magħhom meta wieħed ikun qed iżur id-djar, fosthom dik tal-Għawdxin li jaħdmu Malta, u li minħabba t-tip ta’ xogħol tagħhom huwa diffiċli ħafna li jaħdmu f’Għawdex. Il-partit il-Laburista qiegħed iwiegħed diversi soluzjonijiet għal din il-problema fosthom l-inċentivi ta’ rilokalazjoni (negozji li jirrilokaw lejn Għawdex minn Malta jiġu eżentati mit-taxxa tad-dħul fl-ewwel 3 snin tal-operat, filwaqt li jingħataw tax refund tal-ispejjez kollha biex isir it-traslokar) u anke l-inizjattiva biex tkompli tħajjar il-kumpaniji Maltin jagħtu l-opportunita ta’ teleworking lill-Għawdxin. Jien b’wiċċi minn quddiem nerġa’ intenni li bl-onesta u s-sincerita’ tiegħi se nkun dejjem mal-Għawdxin għax qatt ma nista ninsa minnfejn tlaqt u dak li ngħid nagħmlu u nagħmlu fl-aħjar interess għal Għawdex u l-Għawdxin.”

Hu fatt magħruf li Għawdex hu mmexxi fuq stil ta’ parrinu u meta mistoqsi jekk hemmmx bżonn bidla minn din il-mentalita Cordina qal li għalkemm jammetti li hemm uħud li jaħsbu hekk ir-realta hi differenti minn hekk għalkemm sostna wkoll, “Hemm ħafna Għawdxin illi huma kontra din is-sistema, iżda wieħed irid jifhem illi Għawdex għadu kemm għadda minn ħamsa u għoxrin sena ta’ tmexxija fuq stil ta’ parrinu. Biex tibdel mentalita ta poplu trid ħafna iktar minn erbgħa snin.”

Joe Cordina hu wkoll il-kap tad-delegazzjoni Maltija fil-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropeja, “Għawdex hu minnu nnifsu gżira/reġjun u dan ħadd ma jista jmerieħ. Fis-snin li ġejjin,  li irid isir huwa li l-gvern irid jieħu deċizjoni sa liema livell t’awtorita li għandhom x’jaqsmu ma‘ghawdex ghandhom ikunu fdati f’idejn l-Għawdxin. Biex l-affarjiet jibqgħu mexjin fid-direzjoni it-tajba bl-aktar mod effiċjenti jien nemmen li il-pass li imiss għandu ikun li ikun hemm Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex.”

Joe Cordina temm jgħid li l-partit :aburista għandu jirbaħ l-elezzjoni għax Għawdex bħal kumplament ta’ Malta matul dawn l-aħħar erba snin “gawdiet mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna. Għalhekk, jien nemmen illi l-maġġoranza tal-Għawdxin, jekk jixtiequ ili pajjiżna ma jieqafx f’nofs triq, fit-3 ta’ Ġunju ser jaghażlu lil partit laburista biex ikompli imexxi lil pajjiżna matul il-ħames snin li ġejjin. Filwaqt li hu jemmen li għandu jirbaħ siġġu parlamentari “għax għandi ħafna enerġija u idejat x’noffri lill-Għawdew u lir-residenti Għawdxin fuq skala nazzjonali.

 

John Busuttil attenda is-Seminarju tal-Arċisqof fil-livell sekondarju. Fl-1978 attenda għal kors tal-Method Study organizzat mill-Malta Institute of Management u ġie ċċertifikat fil-Method Time Study. Fl-1987 attenda b’suċċess għal kors fil-Middle Management organizzat mid-dipartiment tal-Management studies fl-Universita ta’ Malta. Għal erba snin sħaħ, 1994, 2000, 2001 u 2004 kien finalist tal-ġurnalist tas-sena fil-BPC awards u fl-2004 ingħata dan l-unur għal 'significant contribution to Professional Journalism' Producer & Presenter ta' diversi programmi fuq NET TV, SMASH TV, PBS u ONE TV. Ipproduċa u ppreżenta programmi radjufoniċi dwar Vjaġġar u Sport u pparteċipa f'diversi programmi televiżivi u radjufoniċi dwar suġġetti varjati. Għal 43 sena ħadem mal-Media Link. U bħalissa jaħdem mal-MediaToday.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook